Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201595

PR201595

24/08/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

Il-kummerċ u t-turiżmu fid-dawl tal-Aġenda Globali għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif ukoll modi kif l-Unjoni Ewropeja tista’ tkun ta’ aktar sostenn biex tonqos il-migrazzjoni ekonomika partikolarment mill-Afrika, kienu fost is-suġġetti ta’ laqgħa bilaterali li saret bejn delegazzjoni mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, mal-Kumitat Ewropew għall-Affarijiet Soċjali u Ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea.

Dan il-kumitat konsultattiv jinkludi rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem u rappreżentanti ta’ gruppi b’interessi varji. Il-kumitat għandu rwol li jagħti vuċi lil dawn il-gruppi u jinfluwenza l-proċess leġislattiv tal-Unjoni Ewropeja.

Matul din il-laqgħa ġew diskussi punti varji ta’ interess għaż-żewġ naħat,​ b’enfasi partikolari fuq kif it-turiżmu jista’ jkun katalist għall-iżvilupp sostennibbli u anke jiġi xprunat l-iżvilupp ekonomiku fl-Afrika, anke fid-dawl ta’ żewġ dokumenti riċenti li ħareġ dan il-kumitat.

Id-diġitalizzazzjoni, il-kultura, it-taħriġ tal-ħaddiema, l-impatt tat-turiżmu tal-massa u l-użu sostenibbli tar-riżorsi, inkluż l-enerġija, għandhom ikunu elementi fundamentali li jikkaratterizzaw l-istrateġija għall-iżvilupp ta’ turiżmu sostenibbli. Dan kollu qed isir dejjem aktar importanti fid-dawl ta’ kif il-COVID-19 ġabet din l-industrija tant importanti għall-ekonomija dinjija prattikament fix-xejn.   
 
F’dan il-kuntest, ġew diskussi wkoll ir-rwol u l-importanza tal-fondi Ewropej fil-programm li jmiss, biex l-industrija tat-turiżmu terġa’ tqum fuq saqajha mill-aktar fis possibbli u biex tkun hi stess il-mutur ewlieni fil-qawmien mill-ġdid tal-ekonomiji Ewropej, inkluż tagħna.