Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201621

PR201621

29/08/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jinħadmu aktar films ġewwa pajjiżna

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret wieħed mis-sets tal-film God’s Soldier ġewwa ċ-Ċirkewwa, flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech fejn iltaqghu mal-produtturi kif ukoll xi artisti ta’ dan il-film. 
 
Dan huwa drama ddokumentat u bbażat fuq storja marbuta mal-Assedju l-Kbir. B’investiment ta’ aktar minn nofs miljun Ewro, produtturi Maltin flimkien ma' produtturi oħrajn mill-kumpanija Ingliża Urban Canyons, ħadmu dan il-film f’4 pajjiżi primarjament Malta, it-Turkija, l-Ingilterra u l-Awstrija, bl-aktar prominenza u ħin jinġibed f'Malta, fejn huwa stmat li ġew investiti mat-€322,000 ġewwa pajjiżna. 
 
Interessanti l-fatt kif il-cast huwa kollu Malti u t-tema magħżula għal dan il-film hija tal-Assedju l-Kbir. Dan se jkun prodott għal-istazzjon Ġermaniz ZDF, l-istazzjon Franċiż/Ġermaniż Arte, l-istazzjon Awstrijakk ORF, l-istazzjon Ingliż Viasat World UK, u finalment fuq bażi lokali il-PBS bis-sapport tal-Kummissjoni Maltija tal-Films u Creative Europe MEDIA. Il-film mistenni joħroġ fl-aħħar ta’ din is-sena. 
 
Bħalissa wkoll f’Malta qed jinħadem il-film Jurassic World Dominion u sal-aħħar tas-sena mistennija jinġibdu numru ta' films oħra. Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli saħqet kemm hija kburija li dan il-film li mistenni jolqot udjenzi internazzjonali, se jkun qed jkabbar l-għarfien dwar Malta u dwar l-istorja u l-qlubija ta' pajjiżna. Il-Ministru żiedet tgħid li dan il-film ħa l-fondi mill-Malta Film Fund bl-għan li jsaħħu l-prodott tagħhom u jużaw it-talent lokali għal produzzjonijiet ta' livell internazzjonali ta' din ix-xorta. Il-Kummissarju għall-Films Johann Grech stqarr  kif il-Kummisjoni Maltija għall-Films qiegħda kontinwament tattira films differenti ta' kull xorta, bl-għan li l-crew lokali jkomplu jahdmu minn film ghal ieħor. Żied jgħid li b’aktar minn 130 crew u cast lokali, dan il-film kien possibli jsir anki permezz tas-sapport mill-Malta Film Fund.​