Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202442

PR202442

01/12/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Investiment ta’ aktar minn €1,400,000 fl-għajnuna legali għal ġustizzja aktar aċċessibbli

​​

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis flimkien mas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, fil-preżenza ta' mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, inawguraw l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali li tinsab fi Triq l-Ifran, il-Belt Valletta.

 

L-Aġenzija tal-Għajnuna Legali ġiet stabbilita bl-Avviż Legali 414 tal-2014, liema Avviż stabbilixxa l-funzjoni tal-aġenzija li tagħti sapport operazzjonali u amministrattiv lill-avukat tal-għajnuna legali li jmexxi l-aġenzija. L-għajnuna legali tingħata erbgħa u għoxrin siegħa kuljum ikun xi jkun il-każ, hekk hux ta' natura kriminali u hekk ukoll jekk huwa ta' natura ċivili. F'każijiet ċivili, persuna trid tkun eliġibbli għat-test tal-mezzi u kif ukoll minn dak tal-mertu tal-kwistjoni legali.

 

Il-ftuħ tal-Aġenzija hija parti minn investiment ta' 'l fuq minn €1,400,000, liema investiment jinkludi l-kirja fuq medda ta' għaxar snin, assigurazzjoni tal-binja u salarji tal-impjegati.

 

L-Aġenzija tal-Għajnuna Legali għandha pjan sabiex timpjega madwar sitta u għoxrin avukat u sitt prokuraturi legali. Fost is-sitta u għoxrin avukat, ħa jkun hemm għoxrin li huma speċjalizzati fil-kamp kriminali u dak ċivili, tlieta li huma speċjalzzatti fil-qasam ta' vjolenza domestika u tlieta li ħa jkunu allokatti f'Għawdex. Għal dan il-għan diġà ġiet ippubblikata sejħa, bl-interviews jibdew mil-lum stess.

 

Il-Ministru Edward Zammit Lewis saħaq fuq l-importanza ta' dan is-servizz legali, u qal li huwa ferm importanti li kulħadd ikollu aċċess għar-rappreżentanza xierqa. Dan huwa parti mill-proġett soċjali tal-Gvern, li jkompli jsħaq fuq dak li jixpruna l-ħidma ta' dan il-Gvern – kulħadd għandu jkollu l-mezzi xierqa għal kwalità ta' ħajja aħjar mingħajr limitazzjoni.

 

Il-Ministru Zammit Lewis kompla jgħid li “dan huwa parti minn ħidmet il-Gvern u tiegħu bħala Ministru biex kulħadd ikollu aċċess għall-ġustizzja sabiex l-istituzzjonijiet ikunu ħadmu bl-aktar mod effettiv u effiċjenti. Huwa dmir il-Gvern li naraw li l-liġijiet kollha jkunu b'saħħithom u li jipprotteġu lil min huwa vitma. Il-liġi għandha tkun ibbażata biex tipproteġi lill-vittmi tal-vjolenza domestika, għalhekk kburi li din l-aġenzija legali ħa jkollha nies speċjalizzati fil-qasam ta' vjolenza domestika."

 

Is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet li dan huwa servizz professjonali li permezz tiegħu flimkien mal-għajnuna tal-Appoġġ, u l-Pulizija qed nassiguraw, li dawn il-vittmi jkunu gwidati u mgħejjuna b'mod strutturat biex jingħataw l-aħjar servizzi fl-aktar żmien ta' vulnerabbiltà. “Il-ftuħ tal-uffiċċju l-ġdid juri l-importanza li qiegħed jagħti dan il-Gvern fir-rigward tal-vjolenza domestika, sabiex jgħin lill-vittmi fil-bżonn."

 

Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet billi qalet li l-vjolenza domestika mhix kwistjoni li tissolva għall-kwiet bejn il-ħitan tad-dar imma hija kwistjoni tas-soċjetà kollha.

 

Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li llum kienet okkażjoni oħra pożittiva ferm fil-ġlieda ta' dan il-pajjiż kontra l-vjolenza domestika. “Jiena li ġejja mill-professjoni legali, nista' nifhem kemm il-ftuħ ta' dan l-uffiċċju tal-għajnuna legali, se jkun tabilħaqq qed jagħmel id-differenza", qalet Dr Abela.

 

Dr Abela appellat sabiex dawn is-sittax-il ġurnata ma jkunux sempliċiment ġranet li fihom infakkru u nitkellmu biss, imma ġranet li matulhom nikkummentaw fuq l-azzjoni li ttieħdet fil-kumplament tas-sena sabiex din il-pjaga soċjali tkun eradikata.

 

Il-kelliema appellaw sabiex il-vittmi jagħmlu kuntatt ma' min verament jista' jagħtihom gwida u assistenza professjonali bil-għan li jkollhom ħajja denja u li tixirqilhom.

 

​