Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202449

PR202449

02/12/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI 98% tal-każijiet tal-Ombudsman jingħalqu b’mod tajjeb mis-Servizz Pubbliku

“Dan huwa ċertifikat eċċellenti ieħor għas-serjetà li biha jaħdem is-Servizz Pubbliku f'dak li għandu x'jaqsam ma' kontabbiltà u governanza" – is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar

 

Waqt it-tnedija tat-tielet edizzjoni tal-pubblikazzjoni annwali 'Governance: Action on the Ombudsman's Annual Report', ingħataw id-dettalji kollha dwar l-ilmenti li waslu mingħand l-Ombudsman u kemm minnhom ġew solvuti. Fl-2019, kienu 381 il-każijiet ġodda li tressqu mill-Ombudsman. Dan in-numru jrid jittieħed fil-kuntest ta' madwar 13-il miljun tranżazzjoni li jsiru f'sena mis-Servizz Pubbliku. Dan ifisser li kienu biss 0.003% tal-klijenti li ħassew li għandhom jirrikorru għand l-Ombudsman. 

 

Mit-381 każ ġdid, diġà ngħalqu 253. Fi 98% tal-każijiet magħluqa, instab illi s-Servizz Pubbliku mexa b'mod tajjeb.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal ukoll illi l-parti l-kbira tal-każijiet pendenti (119-il każ minn 148) jinsabu għall-konsiderazzjoni tal-Ombudsman. Dan juri b'mod ċar li s-Servizz Pubbliku mhux talli qed jagħlaq il-każijiet b'mod tajjeb, imma li wkoll qed inkunu effiċjenti.

 

Is-Sur Cutajar qal li, kif kellu ċans jikteb fil-pubblikazzjoni, jemmen li hemm numru ta' suġġerimenti li għandu jieħu l-Ombudsman biex it-tisħiħ tal-Uffiċċju tiegħu jinħass u jidher. Fost oħrajn huwa semma kif wasal iż-żmien illi bħalma jsir f'ħafna Uffiċċji tal-Ombudsman madwar l-Ewropa, jiddaħħlu Standard Operating Procedures. Dan sabiex l-Ombudsman ma jibqax jaċċetta każijiet li ma jkunux l-ewwel segwew il-proċess kollu. L-Ombudsman għandu jkun l-aħħar pass ta' rimedju – 'the last resort'. Huwa qal illi dawn l-Istandard Operating Procedures għandhom jiġu estiżi wkoll għal ħidma oħra tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, fosthom l-impjiegi tal-istaff mal-Uffiċċju.

 

Finalment, is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal illi r-riżultati tajbin li reġgħu nkisbu mis-Servizz Pubbliku ma ġewx mix-xejn, imma huma r-riżultat ta' strutturi mwaqqfa apposta biex isegwu rakkomandazzjonijiet li jsiru minn istituzzjonijiet bħall-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali. Dan juri li l-Amministrazzjoni Pubblika mhux talli ma tiskartax rakkomandazzjonijiet mill-Ombudsman, talli nħolqu strutturi apposta biex ikun żgurat li dawn jiġu mwettqa fejn hu l-każ.

 

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, is-Sur Cutajar żar lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia u ppreżentalu kopja tal-pubblikazzjoni. Is-Sur Cutajar kien akkumpanjat minn Joyce Dimech, Segretarju Permanenti, kif ukoll minn Carlos Tabone, Direttur fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.

​​