Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202458

PR202458

03/12/2020

​STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Varat villaġġ tal-Milied bl-isem ‘The Magical Illuminated Trail: Drive-Thru Edition’

​B’mod sigur u mill-vetturi tagħhom, il-familji Maltin u Għawdxin ser ikunu jistgħu jidħlu fl-ispirtu tal-Milied permezz ta’ attrazzjoni bl-isem ‘The Magical Illuminated Trail: Drive-Thru Edition’, fil-parkeġġ ta’ Gianpula Village, ir-Rabat. Din l-attrazzjoni ser tinkorpora statwi ta’ annimali, karattri fantasiċi, kreaturi tal-baħar kif ukoll strutturi oħrajn kollha marbutin ma’ xeni tal-Milied. 

 
Għat-tnedija tal-attrazzjoni attendew il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia, iċ-Chairperson tal-Malta Community Chest Fund (MCCF) Marlene Mizzi kif ukoll Sarah Aquilina, il-koordinatur għall- attivitajiet fi ħdan Illuminated Trail Malta.
 
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rrimarka li attrazzjoni bħal din, l-ewwel tal-għamla tagħha f’pajjiżna, toħroġ it-talent u l-innovazzjoni tal-poplu tagħna. “Is-sabiħ ta’ din l-attrazzjoni qiegħed fuq żewġ binarji. L-ewwel wieħed għar-responsabbiltà li hemm wara din l-inizjattiva, fejn persuni li se jkunu qed jiġu hawnhekk bejn l-4 ta’ Diċembru u l-10 ta’ Jannar ser ikunu jistgħu jaraw din l-attrazzjoni mingħajr ma jkollhom għalfejn joħorġu mill-karozzi tagħhom. It-tieni sinifikat huwa li din hija inizjattiva li ser tkun qed tgħin ukoll lill-Malta Community Chest Fund”. 
 
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia semma li waħda mill-funzjonijiet tal-MTA hija li l-prodott turistiku Malti jiġġedded, jissaħħaħ u jkun aktar varjat. Għaldaqstant, dawk l-inizjattivi u l-prodotti ġodda li jintroduċu modi differenti u innovattivi ta’ kif itellgħu l-attivitajiet tagħhom, kemm dawk li jżuruna minn barra kif ukoll il-pubbliku lokali jistgħu jgawdu pajjiżna. Dan japplika matul is-sena kollha iżda forsi b’mod speċjali japplika għall-istaġun tal-Milied li hu importanti ħafna mill-aspett turistiku għax, flimkien mal-istaġun ewlieni tas-sajf u dak tal-vaganzi tal-Għid, huwa staġun fundamentali għall-qasam turistiku u tal-ospitalità.
 
Iċ-Chairperson tal-MCCF Marlene Mizzi qalet li m’hemm xejn aħjar li f’ċirkostanzi pjuttost koroh li ġabitilna magħha din is-sena, ikun hemm avveniment li jferraħ u jagħti gost, avveniment li fih jistgħu jipparteċipaw il-familji kollha b’mod sigur u fl-istess ħin jikkontribwixxu biex bil-parteċipazzjoni tagħhom issir differenza vera għal dawk in-nies morda u vulnerabbli tas-soċjetà tagħna. F’isem il-Malta Community Chest Fund Foundation irringrazzjat lill-organizzaturi talli qegħdin jgħinu lill-MCCFF.
 
F’isem l-organizzaturi ta’ Illuminated Trail Malta, Sarah Aquilina qalet li għall-bidu, din l-attrazzjoni kienet ippjanata li ssir bħala walk-thru f’wieħed mill-ġonna ewlenin ta’ pajjiżna. Madanakollu minħabba l-imxija tal-Covid-19 ittieħdet deċiżjoni biex minflok issir f’forma ta’ drive-thru biex b’hekk l-inizjattiva tkun ta’ sigurtà għal kulħadd.