gov.mt

pr202478

PR202478

04/12/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

​Is-Segretarju Permanenti Ewlieni jippreżenta l-pubblikazzjoni 'Governance: Action on the Ombudsman's Annual Report 2019' lill-President ta' Malta

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, ippreżenta l-pubblikazzjoni 'Governance: Action on the Ombudsman's Annual Report 2019' lill-President ta' Malta George Vella. 

Din il-pubblikazzjoni tiġbor fiha l-ilmenti kollha li daħlu għand l-Uffiċċju tal-Ombudsman li jikkonċernaw is-Servizz Pubbliku, u kif is-Servizz Pubbliku ħadem biex isolvihom. Din hija l-ewwel darba li pubblikazzjoni bħal din ġiet ippreżentata lill-President ta' Malta.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal illi din il-pubblikazzjoni tixhed ċar li t-tagħrif mogħti lill- President meta żar l-Uffiċċju tal-Ombudsman jinħtieġ jiġi korrett. Huwa saħaq li fil-fatt, fi 98% tal-każijiet magħluqa mill-Ombudsman, l-ilment tqies jew li mhux ġustifikat jew li ġie indirizzat kif xieraq mis-Servizz Pubbliku. Is-Sur Cutajar semma kif bil-fatti jintwera li madwar 80% tal-każijiet pendenti jinsabu jistennew azzjoni mill-Uffiċċju tal-Ombudsman stess, b'29 każ biss jistennew għand il-ministeri, u dan minħabba tibdiliet f'policies jew proċeduri meħtieġa. 

Is-Servizz Pubbliku mhux biss jaħdem b'mod strutturat u effiċjenti biex isolvi dawn l-ilmenti, imma jqis li l-Ombudsman għandu l-istess għan tas-Servizz Pubbliku – dak li jagħti l-aqwa servizz liċ-ċittadin. Kien għalhekk li s-Sur Cutajar ressaq numru ta' proposti fil-pubblikazzjoni sabiex it-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Ombudsman jinħass u jidher.

Fost oħrajn, huwa semma kif wasal iż-żmien illi bħalma jsir f'ħafna Uffiċċji tal-Ombudsman madwar l-Ewropa, jiddaħħlu Standard Operating Procedures. Dan sabiex l-Ombudsman ma jibqax jaċċetta każijiet li ma jkunux l-ewwel segwew il-proċess kollu. L-Ombudsman għandu jkun l-aħħar pass ta' rimedju – the last resort. Huwa qal illi dawn l-Istandard Operating Procedures għandhom jiġu estiżi wkoll għal ħidma oħra tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, fosthom l-impjiegi tal-istaff mal-Uffiċċju. Anke min iħares il-governanza fis-Servizz Pubbliku għandu jkollu t-trasparenza biex jispira iktar fiduċja, saħaq is-Sur Cutajar.

Il-President ta' Malta apprezza l-ħidma li qiegħda ssir mis-Servizz Pubbliku u l-isforzi li qed twettaq l-amministrazzjoni pubblika.  Huwa sejjaħ din il-pubblikazzjoni u oħrajn bħalha maħruġa mis-servizz pubbliku “eżerċizzju utli" favur aktar trasparenza u governanza.

Jakkumpanjaw lis-Sur Cutajar kien hemm Joyce Dimech, Segretarju Permanenti, kif ukoll Carlos Tabone, Direttur fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.