gov.mt

pr202505

PR202505

08/12/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-KWALITÀ TAL-ĦAJJA Premju Soċjetà Ġusta: Rikonoxximent għal ħidma fil-qasam tad-diżabbiltà u l-inklużjoni

Ħames persuni u kumpanija li tul is-sena li waslet biex tintemm spikkaw f'ħidmiethom fil-qasam tal-persuni b'diżabbiltà u fil-kunċett tal-inklużjoni ngħataw il-Premju Soċjetà Ġusta u premjijiet għal ħidmiet speċifiċi waqt ċerimonja preseduta mill-President tar-Repubblika George Vella u organizzata mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.

 

Il-Premju Soċjetà Ġusta huwa avveniment annwali li issa ilu jingħata sa mis-sena 2013. Huwa ċelebrazzjoni għall-ammont kbir ta' xogħol, impenn u dedikazzjoni meħudin minn nies fis-settur tad-diżabbiltà. Huwa avveniment li jsir f'Diċembru ta' kull sena u li jkun jifforma parti mill-attivitajiet li jsiru waqt il-ġimgħa dedikata għad-diżabbiltà, ġimgħa li ninsabu f'nofsha.

 

Il-Premju Soċjetà Ġusta, li jirrikonoxxi persuna b'diżabbiltà li turi kwalitajiet li permezz tagħhom tagħmel differenza kbira u pożittiva f'dan is-settur, intrebaħ minn Angela Agius. Angela Agius hija persuna nieqsa mis-smiegħ iżda li bid-determinazzjoni tagħha tgħin persuni oħra b'diżabbiltà.

 

Fr Martin Micallef, li jmexxi d-Dar tal-Providenza, ingħata l-premju għal kisba tul il-ħajja fis-settur tad-diżabbiltà. Dan il-premju jirrikonoxxi l-individwu b'diżabbiltà jew mhux li bi sforz eċċezzjonali u kisba kbira matul perjodu sinifikanti ħalla marka pożittiva fuq is-settur.

 

Marchita Magiafico ngħatat il-premju għal ħidma fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà.

 

Premju parteċipazzjoni attiva fl-isport, arti u kultura, li jirrikonoxxi lil persuna b'diżabbiltà jew mhux b'diżabbiltà li tagħti prijorità lill-abilità u mhux lid-diżabbiltà tal-persuna ngħata lil Jake Vella.

 

Joseph Stafrace ngħata l-Premju Perseveranza. Huwa persuna nieqsa mid-dawl, li tul is-snin ħalla marka fil-ħidma tiegħu mhux biss bħala Chairman tal-Malta Guide Dogs Foundation imma wkoll bħala fundatur tas-Service Dogs f'Malta.

 

Il-kumpanija eCabs ingħatat il-premju għall-iktar post tax-xogħol li jopera b'mod inklussiv. Dan il-premju jirrikonoxxi lil dawk li jħaddmu li joffru opportunitajiet għal persuni b'diżabbiltà fil-qasam tax-xogħol.

 

F'diskors għall-okkażjon, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li; “permezz ta' dan il-Premju, qegħdin nirrikonoxxu l-irwol illi għandhom persuni b'diżabbiltà fis-soċjetà Maltija. Persuni illi m'għandhom xejn inqas minn ħaddieħor. Qegħdin inroddu ħajr ukoll lil dawk il-persuni u entitajiet illi stinkaw sabiex il-ħajjiet u, finalment, l-inklużjoni ta' persuni b'diżabbiltà, isiru aktar u aktar realtà fil-ħajja ta' kuljum. Imma huwa importanti illi b'dan ma ngħaddux il-messaġġ illi hemm żewġ kategoriji ta' drittijiet fi ħdan is-soċjetà tagħna, dawk ta' persuni b'diżabbiltà, u dawk ta' persuni oħrajn, dawk illi xi wħud iqisuhom bħala persuni 'normali'. B'hekk, inkunu qegħdin neskludu l-umanità ta' kull min ma joqgħodx ġo dik il-kaxxa msawra mill-isterjotipi eżistenti illi tkun ħolqot is-soċjetà."

 

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li; “d-drittijiet li għandha persuna b'diżabbiltà għandhom ikunu għodda sabiex tikseb l-istess kwalità ta' ħajja daqs kull persuna oħra. Drittijiet mingħajr l-għan aħħari ta' inklużjoni, għan li għalih se jaħdem qatigħ dan il-Ministeru, m'huma xejn. Huwa għalhekk li b'konsultazzjoni ma' u bil-parteċipazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà infushom u tal-għaqdiet tagħhom irrid nara li nkomplu b'eżerċizzju sħiħ li permezz tiegħu nniedu bidliet fil-liġi li tassew iwasslu għall-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà fis-soċjetà Maltija."​