Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202515

PR202515

09/12/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

​17-il lekċerer mill-Istitut tal-Istudji Turistiċi jiggradwaw b’Masters mill-Università ta’ Haaga-Helia fil-Finlandja


Waqt ċerimonja ta’ gradwazzjoni, 17-il lekċerer tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) gradwaw b’suċċess b’Masters f’Ġestjoni Internazzjonali tal-Ospitalità mill-Università ta’ Haaga-Helia tax-Xjenzi Applikati fil-Finlandja.

L-ITS u l-università msemmija ffirmaw ftehim fl-2016 li jipprovdi lil-letturi tal-ITS b’Bachelor’s Degree u b’Master’s Degree mal-istess università. L-ispejjeż kollha qed jitħallsu mill-Istitut tal-Istudji Turistiċi b’investiment ta’ aktar minn €300,000 għall-istaff akkademiku tal-Istitut. Kien hemm 17-il lettur li gradwaw bi grad ta’ Baċellerat fl-2017 u issa 17-il lettur gradwaw b’Masters’s Degree.

Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, iċ-Ċermen u l-Kap Eżekuttiv tal-ITS is-Sur Carlo Micallef u s-Sur Pierre Fenech rispettivament, il-Viċi Prinċipal tal-Università Haaga-Helia s-Sur Jouni Ahonen kif ukoll il-President tal-Malta Union of Teachers is-Sur Marco Bonnici. 

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo qal li l-edukazzjoni hija l-akbar legat li jistgħu jħallu l-politiċi lil hinn minn kull inċentiv materjalistiku ieħor. “Li nadvokaw il-kwalità, kemm bħala individwi u organizzazzjonijiet saret l-ordni tal-ġurnata. Fil-fatt, huwa ingredjent importanti f’suq turistiku li aktar ma jgħaddi żmien dejjem jinbidel u jsir iżjed kompetittiv. Is-saħħa, l-innovazzjoni, l-esperjenza u l-eċċellenza ser ikunu mutur importanti f’din ir-realtà l-ġdida għal iżjed effettività fil-mudell turistiku tagħna. Il-kwalità hija li naraw u nisfruttaw il-potenzjal ta’ pilastru ieħor fil-viżjoni tagħna li nagħmlu minn Malta ċentru ta’ eċċellenza turistika”, irrimarka l-Ministru Clayton Bartolo

Iċ-Ċermen u l-Kap Eżekuttiv tal-ITS, is-Sur Carlo Micallef u s-Sur Pierre Fenech, qalu li l-vjaġġ li beda 5 snin ilu jista’ mhux biss jitqies bħala s-suċċess tal-letturi iżda wkoll bħala suċċess għall-ITS. Dan l-investiment għamilha possibbli għall-ITS sabiex jibda l-proċess tat-trasformazzjoni tal-Istitut f’dak ta’ ċentru internazzjonali ta’ eċċellenza fejn jidħol it-turiżmu u l-edukazzjoni tal-ospitalità. Ikkonkludew li flimkien mal-bosta kisbiet oħra milħuqa matul is-snin, l-ITS issa qiegħda f’pożizzjoni aħjar biex tkompli twassal edukazzjoni tal-aqwa kwalità lill-istudenti tagħha li se jikkontribwixxu lejn prodott u servizzi ta’ kwalità aħjar għall-industrija tat-turiżmu f’Malta u f’Għawdex.

Is-Sur Marco Bonnici, il-President tal-Malta Union of Teachers, feraħ lill-gradwati waqt li esprima l-apprezzament tiegħu lejn l-ITS li appoġġa lil-letturi fit-titjib tal-kwalifiki tagħhom. Qal li, “Il-kisba tal-lum saret possibbli meta viżjoni komuni bejn il-viżjoni tal-ITS u l-MUT li ġiet implimentata fl-aħħar żewġ ftehimiet kollettivi wasslet għal struttura ta’ appoġġ għal-letturi biex itejbu l-istudji tagħhom sal-livell tal-Masters. Kwalifiki mtejba għandhom jippermettu lil-letturi mhux biss biex jipprovdu esperjenza edukattiva aħjar lill-istudenti iżda għandhom jibbenefikaw ukoll minn progressjonijiet tal-karriera fil-gradi tagħhom. Dan juri biċ-ċar l-impenn tal-ITS u tal-letturi tagħha lejn l-ogħla standards ta’ tagħlim u l-MUT hija kburija li hija parti minn dan il-vjaġġ ta’ suċċess”.

Il-Viċi Prinċipal tal-Università Haaga-Helia, is-Sur Jouni Ahonen, ippreżenta ċ-ċertifikati lill-gradwati u qal li kien il-privileġġ ta’ Haaga-Helia li ħadmet flimkien mal-letturi tal-ITS. Huwa kompla billi qal li huma urew professjonalità Ewropea vera u mentalità ta’ ospitalità. Kull student ikkommetta ruħu għall-istudji tiegħu matul l-aħħar ħames snin u verament jistħoqqlu l-grad ta’ ġestjoni tal-ospitalità.