Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202578

PR202578

15/12/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo f’laqgħa uffiċjali mal-Association of Catering Establishments

​​​
 
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo ltaqa’ uffiċjalment mal-Association of Catering Establishments (ACE) li tirrappreżenta madwar 400 operatur fejn jidħol il-catering f’pajjiżna. 
 
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li assoċjazzjonijiet ta’ din ix-xorta huma l-polz tal-industrija tat-turiżmu. Il-ministru qal li jifhem l-isfidi li kontinwament jaffaċċjaw l-operaturi li jaħdmu fil-qasam tal-catering biex jagħtu l-aħjar servizz possibbli kemm lit-turist u anke lill-Malti. 
 
“Nifhem li l-pandemija m’għenitx lil dan is-settur anzi ħarbtet ir-rendiment tal-kummerċ turistiku. Mhuwiex sigriet li kieku ma kienx għall-għajnuna tal-gvern bi skemi bħal dik tal-wage supplement u l-vouchers kieku llum għandna sitwazzjoni ferm differenti minn dik li qed ngħixu fiha bħalissa”, kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 
 
Finalment saħaq li f’dan il-perjodu s-settur tat-turiżmu jeħtieġ għaqda kollettiva li tmur lil hinn mit-tribaliżmu politiku. 
 
Min-naħa tiegħu, Reuben Buttigieg, il-President tal-ACE, semma li l-għajnuna li qed jagħti l-gvern hija waħda ta’ kuraġġ u tirrikjedi importanza kbira biex l-attività ekonomika tibqa’ għaddejja kemm fi żmien il-Milied u anke wara l-festi. 
 
“Bħala assoċjazzjoni qed inħarsu ’l quddiem biex nikkollaboraw iżjed magħkom u fl-istess waqt jissoktaw id-diskussjonijiet sabiex nassiguraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-industrija tagħna”, temm jgħid is-Sur Buttigieg.