gov.mt

pr202581

PR202581

15/12/2020

​STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo jżur il-produzzjoni 'Baked Alaska​


'Baked Alaska' hija ko-produzzjoni bejn Malta u l-Kanada li bħalissa qed tinġibed fil-Belt Valletta u San Ġiljan. Din il-produzzjoni għandha baġit ta' €2.3 miljun, b'€1.4 miljun qed jintnefqu f'Malta. L-istorja ta' din il-produzzjoni hija dwar accountant mill-Alaska, b'imħabba għat-tisjir, fejn sal-aħħar tal-film narawh jikkompeti f'kompetizzjoni kbira tat-tisjir u anke jsib l-imħabba tiegħu waqt din il-btala.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo u l-Kummissarju tal-Films Johann Grech żaru parti mill-crew tal-produzzjoni f'lukanda fil-Belt Valletta waqt il-ġbid ta' dan il-film fejn iltaqgħu mal-produttur, mad-direttur u mal-atturi prinċipali tal-film.

 

Il-Ministru Clayton Bartolo esprima sodisfazzjon li għal darba oħra Malta qed tintuża għall-ġbid ta' produzzjoni oħra internazzjonali. Spjega kemm is-settur tal-films huwa importanti għal pajjiżna u kif baqa' reżiljenti, b'bosta jaħdmu f'dan is-settur. Il-ministru qal ukoll li qed iħares 'il quddiem sabiex inkomplu nsaħħu din l-industrija u nkomplu naraw iżjed produzzjonijiet jinġibdu f'pajjiżna.

 

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li jinsab kburi li minkejja ż-żminijiet diffiċli madwar id-dinja, Malta qed tkompli tattira produzzjonijiet internazzjonali. Din il-produzzjoni tinvolvi madwar 80 persuna crew Maltin, li qed jaħdmu qatigħ sabiex iwettqu din il-produzzjoni u flimkien mal-Kummissjoni tal-Films ikomplu jgħollu isem Malta.

 

“Ninsab kburi li Malta qed tkompli tattira produzzjonijiet ta' ġeneri differenti minn pajjiżi differenti madwar id-dinja, din id-darba qed naraw ko-produzzjoni bejn Malta u l-Kanada. Għal darba oħra l-crew lokali jkompli jaħdem minn produzzjoni għall-oħra u jgħolli l-livell ta' kwalità li joffri pajjiżna", temm jgħid is-Sur Johann Grech. ​