Nhar is-Sibt jaslu Malta l-ewwel vaċċini għall-Covid-19 – il-Ħadd jibda t-tilqim
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) approvat il-vaċċin tal-Pfizer/Biontech u b'hekk skatta l-proċess biex il-vaċċini jaslu fl-istati membri u jibda jingħata l-vaċċin fil-pajjiżi Ewropej, inkluż f'Malta.
F'Malta l-ewwel vaċċini se jaslu nhar is-Sibt, 26 ta' Diċembru u l-ewwel tilqima se tingħata nhar il-Ħadd 27 ta' Diċembru.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li spjega kif fl-ewwel ġurnata, jiġifieri t-28 ta' Diċembru, il-vaċċin se jkun qed jingħata lill-frontliners f'Mater Dei li jaħdmu l-ITU, l-IDU, l-Emerġenza u wards li jilqgħu pazjenti pożittivi għall-Covid-19.
Fil-ġranet ta' wara se jkunu qegħdin jitlaqqmu frontliners miċ-Ċentri tas-Saħħa, l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, l-Isptar Monte Carmeli, u l-isptarijiet Boffa, St Thomas u Good Samaritan.
Mill-1 ta' Jannar jibda jsir it-tilqim ta' staff u residenti f'San Vinċenz de Paul u wara l-istaff u residenti fid-djar tal-anzjani l-oħra, kif ukoll jibdew jintbagħtu l-ewwel ittri lill-professjonisti mediċi li jaħdmu fil-qasam privat. Fis-7 ta' Jannar mistenni jibdew jintbagħtu l-ewwel ittri lil dawk li għandhom 'il fuq minn 85 sena u jgħixu fil-komunità. Huwa appella sabiex il-pubbliku jagħmel mezz u jonora l-appuntament li jkun ingħata.
Id-Deputat Prim Ministru nieda wkoll helpline ġdid, 145, li fuqu l-pubbliku jista' jċempel sabiex jistaqsi dwar il-vaċċin u dwar l-appuntament tiegħu.
“Illum jien kuntent din hija aħbar sabiħa, bdejna t-triq biex nibdew nieħdu r-ruħ, mhux fil-bogħod, Malta kollha tibda tieħu r-ruħ", qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne
Intant, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mil-Awtorità dwar il-Mediċini Deo Debattista laqa' bi pjaċir din l-aħbar u sostna li dan hu pass importanti lejn il-bidu tan-normalità. Huwa rringrazzja lill-professjonisti u specjalisti tal-Awtorità dwar il-Mediċini ta' Malta li taw kontribut attiv permezz tax-xogħol siewi u kontinwu li sar f'kuntest ta' diskussjonijiet, evalwazzjoni u pariri xjentifiċi li taw fuq livell Ewropew fil-ħafna fora tal-EMA. Din il-kollaborazzjoni attiva ta' dawn l-speċjalisti fi ħdan l-Awtorità tal-Mediċini wasslet għal deċizjoni pożittiva biex il-vaċċin jitpoġġa fis-suq tal-Unjoni Ewropea.