Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200159

PR200159

01/02/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA

​Is-Sinjura Simone Azzopardi se tkun qed tħalli l-kariga ta’ Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika minħabba raġunijiet personali. Is-Sa Azzopardi se tkompli sservi f’din il-kariga sakemm jinħatar kummissarju ġdid u se tkun qed toffri l-għajnuna kollha tagħha fil-perjodu ta’ tranżizzjoni. 

Tul is-17-il xahar li għamlet isservi f’din il-Kummissjoni, is-Sa Azzopardi kienet kommessa li taħdem qatigħ biex titqajjem aktar kuxjenza dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, u biex jitnaqqsu l-abbużi relatati. Ħadmet fil-qrib tal-vittmi kif ukoll ressqet il-Kummissjoni aktar qrib l-organizazzjonijiet volontarji li jaħdmu fis-settur. 

Il-ministeru hu impenjat li jkompli jsaħħaħ ix-xogħol li wettqet Simone Azzopardi, b’kummissjoni ma tiqafx biss mal-liġijiet. Il-gvern hu impenjat li jkompli jwettaq it-trasformazzjoni soċjali meħtieġa biex tkun eliminata din il-pjaga soċjali. Din il-kummissjoni kompliet titjieb permezz tar-riżorsi meħtieġa biex tkun aktar effettiva fil-ħidma tagħha u żdiedet l-allokazzjoni finanzjarja f’dan is-settur bi kważi 75%. B’hekk, matul din is-sena, il-Kummissjoni se tkompli bl-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika skont il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u permezz ta’ taħriġ għall-professjonisti kollha li jaħdmu mal-vittmi. 

Il-gvern se jkompli jkun kommess li aktar nisa jiksbu l-indipendenza finanzjarja biex ikollhom is-setgħa li jmexxu ħajjithom u biex ma jiddependux fuq ħaddieħor. Dan b’mod speċjali fir-rigward ta’ nisa f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, għaliex mara li hi ekonomikament indipendenti ssibha aktar faċli biex titlaq minn relazzjoni abbużiva, u viċe versa. Din hi politika ħolistika ta’ gvern li se jkompli għaddej b’miżuri favur it-trasparenza fil-pagi (equal pay for work of equal value), gender mainstreaming, rappreżentanza ugwali fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u ugwaljanza fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar jirringrazzjaw lis-Sinjura Simone Azzopardi għax-xogħol li wettqet bħala Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika.