Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200172

PR200172

03/02/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA “Stabilità hija prijorità għal pajjiżna”

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis irringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija għad-dokument imniedi minnha bl-isem 'Ethical Business Call for Change'. 

Il-ministru saħaq illi l-governanza hija importanti mhux biss bħala valur għal rasha, iżda għaliex din tagħtina stabilità f'pajjiżna, u għalhekk tiggarantilna andament ekonomiku b'saħħtu u 'level playing field' għal kull negozju u intrapriża f'pajjiżna. 

Huwa żied jgħid li l-Kumitat tal-Kabinett tal-Ministru diġà ltaqa' darbtejn fil-ftit jiem li ilu mwaqqaf, u dan mhux biss biex jiddiskuti riformi pero biex jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn. 

Il-Ministru Edward Zammit Lewis tkellem fuq il-perspettiva Ewropea u semma kemm f'dan l-aħħar jiem il-Prim Ministru Abela, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kif ukoll hu stess kellhom laqgħat importanti u pożittivi sabiex ir-reputazzjoni ta' pajjiżna terġa' tissaħħaħ. 

Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ preżentat formalment id-dokument lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza li fih numru ta' miżuri għall-governanza tajba. Il-Kamra tal-Kummerċ semmiet kif laqgħet tajjeb l-ewwel jiem tal-Prim Ministru Robert Abela, kif ukoll li ser tibqa' tkun proattiva fil-proposti tagħha għall-ġid ta' pajjiżna.