Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200198

PR200198

06/02/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA: Il-pjan fuq sentejn ta’ reklutaġġ u ta’ żvilupp tar-riżorsi umani fil-qrati tagħna se jwassal għal aktar effiċjenza

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis iltaqa' uffiċċjalment mall-ħaddiema tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' Malta sabiex jintbagħat sinjal b'saħħtu li waħda mill-prijoritajiet ta' dan il-Ministeru u tal-gvern hija li ssir ġustizzja mingħajr dewmien.

F'din iż-żjara, il-Ministru Edward Zammit Lewis saħaq fuq l-importanza li rridu nsaħħu l-mod ta' kif taħdem il-Qorti permezz ta' aktar riżorsi umani. Dan mhux biss billi nżidu l-ħaddiema, iżda b'aktar investiment fi żvilupp personali u professjonali. Dan il-pjan ta' żvilupp u reklutaġġ t'aktar ħaddiema se jkun fuq medda ta' sentejn.

Il-Ministru Zammit Lewis żied li b'mod strateġiku se jiżdiedu żewġ diretturi, wieħed fuq l-istrateġija u r-relazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll direttur fuq ir-riżors uman. L-iskop ta' dan kollu huwa sabiex mhux biss ninvestu fir-riżors uman iżda li jkollna aktar effiċċjenza fil-qrati tagħna f'kuntest fejn irridu nżommu lill-individwu li jiġi bżonn il-qrati fiċ-ċentru ta' kull riforma li nvaraw.