Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200239

PR200239

14/02/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej b’xogħlijiet fuq il-kumpless tal-iscouts f’Ħad-Dingli

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar il-kumpless li qiegħed jintuża mill-iscouts f'Ħad-Dingli fejn għaddej proġett ta' estensjoni u titjib mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

 

"Tibqa' fost l-ogħla prijoritajiet tagħna l-ħidma fil-komunitajiet. Dawn il-proġetti huma investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tan-nies, fil-ġenerazzjonijiet futuri, fil-familji, fiż-żgħażagħ u fl-anzjani tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar in-nies huma l-ewwel prijorità u llum għal darboħra qed nagħtu konferma tal-impenn tagħna favur il-livell tal-għixien fil-komunitajiet tagħna", qal il-Ministru Ian Borg.

 

Ix-xogħol fuq dan il-kumpless beda f'Marzu tal-2019 u qiegħed joqrob lejn it-tmiem tiegħu. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi hawnhekk wettaq ħidma estensiva ta' kostruzzjoni, finishing u tisbiħ. Fost l-oħrajn, dan il-proġett ser jagħti lil dan il-kumpless, sular sotterran aċċessibbli għall-ħażna, binja mtejba b'ristrutturar, finishing, dawl u ilma, faċilitajiet sanitarji, aperturi ġodda, spazji għal użu rikreattiv u faċilitajiet anċillari, kif ukoll aktar aċċessibilità. Apparti dan, inbidel is-saqaf tal-ġiebja eżistenti, saru xogħlijiet favur aktar sigurtà, kenn mill-elementi u għall-immaniġġjar tal-ilma tax-xita, u sar xogħol fuq il-ħitan tas-sejjieħ.

 

Infrastructure Malta provdiet numru ta' siġar għal din is-sit. Dawn tħawlu f'partijiet varji tal-kumpless u qed tiġi introdotta sistema ta' irrigazzjoni favur manutenzjoni xierqa. Fuq is-sit qed tinbena wkoll funtana.

 

"Kuntent nara t-tfal, iż-żgħażagħ u dawk kollha involuti f'din l-għaqda jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà ta' Ħad Dingli. Kuntent li qed ninvestu fihom. U se nkomplu ninvestu fihom u fil-komunitajiet tagħna kollha. L-ogħla prijorità tagħna hija l-kwalità tal-ħajja tan-nies u impenjati li nkomplu ninvestu favur livell tal-għajxien aħjar fil-komunitajiet tagħna", għalaq il-Ministru Ian Borg.