Bejn id-29 u l-31 ta' Ottubru tal-2020, mistennija tiġi Malta konferenza internazzjonali prestiġjuża bl-isem ta' APG World Connect. Din il-konferenza tiffoka fuq l-avjazzjoni, u għaliha mistennija jipparteċipaw aktar minn 200 linja tal-ajru internazzjonali minn 170 pajjiż differenti minn madwar id-dinja. Din il-konferenza, li mistennija jattendu għaliha qrib il-ħames mitt uffiċjal għoli minn kumpaniji varji internazzjonali, normalment issir f'Montecarlo fi Franza, u se ssir għall-ewwel darba f'pajjiżna.
APG hija meqjusa bħala possibilment l-akbar netwerk mondjali ta' rappreżentanza ta' linji tal-ajru. Għandha mal-mitt uffiċċju madwar id-dinja, u tkopri numru kbir ta' pajjiżi u linji tal-ajru. L-għan ta' din l-organizzazzjoni hija li toffri assistenza ħolistika lill-linji tal-ajru, kemm bħala rappreżentanza, kif ukoll bħala sistemi konvenjenti li jgħinu fuq bejgħ u sistemi finanzjarji oħra, bl-għan li jiżdied il-potenzjal fid-dħul.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet li Malta saret mhux biss ċentru tal-avjazzjoni, iżda wkoll pajjiż b'ekosistema tajba biex nospitaw konferenzi kbar internazzjonali. Il-Ministru żiedet tgħid li tinsab ħerqana sabiex tiltaqa' ma' bosta stakeholders internazzjonali li huma ppożizzjonati ferm tajjeb fis-settur b'numru ta' snin ta' esperjenza fl-avjazzjoni, u tħares 'il quddiem għal aktar kollaborazzjonijiet u inizjattivi. Qalet ukoll li l-għażla li din issir f'Ottubru li ġej, f'xahar meqjus relattivament kwiet ħdejn xhur oħra, hija wkoll għażla strateġika favur it-tnaqqis tal-istaġjonalità u turiżmu sostenibbli.