Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200341

PR200341

28/02/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Sa 40% nisa fil-Kamra tad-Deputati li jmiss


 

Il-Gvern jilqa’ b’sodisfazzjon li ntlaħaq qbil fil-Kumitat għall-Avvanz fir-Rappreżentanza Demokratika tekniku li kien imwaqqaf apposta fejn ġew inklużi fil-konsultazzjoni ukoll rappreżentanti mill-Partit Nazzjonalista u anke espert fil-qasam tad-dritt Kostituzzjonali.

 

Il-Gvern ser jimxi mingħajr dewmien sabiex l-abbozz finali maqbul jibda l-proċess għall-approvazzjoni tal-Kabinett tal-Ministri biex imbagħad f’qasir żmien jiskatta l-proċess kollu parlamentari. Dan ser ikun ifisser li ser tinżamm il-wegħda magħmula mill-Gvern u riċentement imsemmija diversi drabi mill-Prim Ministru Robert Abela li dan il-mekkaniżmu ser ikun f’postu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan huwa eżempju ċar ta’ konsultazzjoni wiesgħa, Gvern li jisma’, pero ukoll Gvern li jaġixxi u jiddeċiedi.

 

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis itenni li din hija inizjattiva rivoluzzjonarja fid-demokrazija ta’ pajjiżna li taċċerta rappreżentanza b’saħħitha fil-Kamra tad-Deputati u pajjiż magħqud. Il-Ministru Zammit Lewis ikompli jgħid illi din hija waħda mill-bosta riformi importanti li ser isiru mingħajr dewmien f’din is-sena sabiex jibqgħu jiġu msaħħa l-istituzzjonijiet f’pajjiżna

 

Is- Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar tisħaq li fejn jidħol il-bilanċ tal-ġeneru u l-avvanz tal-mara fl-aktar postijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet importanti bħal ma hija l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Gvern qed jgħaddi mill-kliem għall-fatti. Din ir-riforma ser twassal biex wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss kważi 40% tal-Kamra tad-Deputati jkunu nisa. Is-Segretarju Parlamentari Cutajar itenni l-impenn assolut tagħha li tibqa tieħu miżuri konkreti sabiex il-mara timxi ‘l quddiem u tkun verament ugwali f’kull qasam tal-ħajja.

 ​