Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200043

PR200043

11/01/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U PROMOZZJONI TAL-KUMMERĊ Malta toffri li tospita taħdidiet ta’ paċi rigward il-Libja bħala parti mill-Proċess ta’ Berlin immexxi min-Nazzjonijiet Magħquda

Laqgħa straordinarja tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin ġiet imlaqqa' nhar il-Ġimgħa fi Brussell fuq talba tar-Rappreżentant Għoli u Viċi-President Josep Borrell Fontelles biex tiddiskuti s-sitwazzjoni fil-Libja u l-eskalazzjoni fl-Iran/l-Iraq.

 

Matul id-diskussjoni dwar il-Libja, li parti minnha saret fil-preżenza tal-Kap tal-UNSMIL u tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda għas-Segretarju Ġenerali Ghassan Salame, Malta esprimiet tħassib qawwi dwar iżviluppi attwali madwar il-kriżi fil-Libja, u affermat mill-ġdid il-konvinzjoni ta' Malta li hija l-politika u s-soluzzjoni diplomatika bbażata fuq il-proċess tan-Nazzjonijiet Magħquda li hija l-unika triq 'il quddiem.

 

B'effett mill-appelli riċenti mir-Rappreżentant Għoli Borrell Fontelles, u wkoll mir-Rappreżentant Speċjali Ghassan Salame, Malta tenniet ir-rifjut tagħha ta' interventi barranin fil-Libja u ssieħbet fis-sejħa għal tneħħija mill-eskalazzjoni fil-Libja u madwarha. Soluzzjoni għall-paċi, sigurtà, stabbiltà u fl-aħħar il-prosperità fil-Libja tirrikjedi waqfien mill-ġlied durabbli u komprensiv, u implimentazzjoni effettiva tal-2011 dwar l-embargo fuq l-armi fuq il-Libja. Kif iddikjarat kemm-il darba Malta f'għadd ta' okkażjonijiet, huwa l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda li għandu ċ-ċavetta għal din is-soluzzjoni.

 

B'appoġġ kemm għal Salame kif ukoll għal Borrell, Malta affermat li, f'kull ħin, il-komunità internazzjonali għanda titkellem b'vuċi waħda għall-benesseri tal-poplu Libjan biex b'hekk tissalvagwardja l-bilanċ delikat ta' sigurtà u stabbiltà li bħalissa jipprevali fir-reġjun.

 

F'dan il-kuntest, u b'appoġġ għall-Proċess ta' Berlin li għaddej bħalissa, li mistenni jwassal għat-tlaqqigħ ta' summit fil-ġimgħat li ġejjin, Malta offriet li tassisti fil-proċess bit-tmexxija ta' taħdidiet li għandhom il-potenzjal li jġibu l-paċi fil-Libja, u l-istabbiltà fir-reġjun. Din l-offerta ġiet sottomessa bħala reazzjoni għat-talba tar-rappreżentant għoli biex l-istati membri jikkontribwixxu b'mod tanġibbli għal soluzzjoni, u mhux sempliċiment jenfasizzaw it-tħassib. Il-proposta mressqa minn Malta tissottolinja l-konvinzjoni soda li l-Unjoni Ewropea għandha tikkorrispondi lilha nnifisha rwol sinifikanti u effettiv biex tindirizza sitwazzjoni fir-reġjun tagħha. Malta appoġġjat ukoll l-importanza li tidentifika kif l-EUNAVFOR MED Operation SOPHIA tista' tassisti aħjar fis-sitwazzjoni.

 

Il-laqgħa pproċediet b'diskussjoni dwar ix-xenarju Iran/Iraq fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg, fejn tqajjem tħassib dwar id-djalogu mal-Iran, l-avvenimenti riċenti fuq l-art Iraqina u l-effetti li s-sitwazzjoni qed tħalli fuq il-popolazzjoni ċivili, mhux l-inqas it-tiġrif ta' ajruplan kummerċjali Ukren li telaq mill-ajruport internazzjonali tal-Iran nhar l-Erbgħa li għadda, fejn mietu aktar minn 170 persuna.