Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200065

PR200065

20/01/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U NEGOZJI ŻGĦAR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ

“Il-prijorità ewlenija bħala Ministru se tkun dik li kontinwament nisma’ dak li għandhom bżonn in-negozji żgħar u medji, u għalhekk nilqa’ l-pass proattiv u kuraġġuż tal-GRTU li ssir il-Malta Chamber of SMEs. Irrid li aħna mmorru għand in-negozji u mhux in-negozji jiġu għandna” – Ministru Silvio Schembri 

“Inħeġġeġ lill-Malta Chamber of SMEs u organizzazzjonijiet oħra bħalha biex jiggwidaw lill-membri tagħhom għal meta, fis-snin li ġejjin, l-Unjoni Ewropea tibda timplimenta miżuri konnessi ma’ dak li qed tipproponi bħalissa għall-Green Deal, is-Single Market u d-Digital Single Market” – Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi indirizzaw il-konferenza tal-GRTU bit-titlu ‘Identità Ġdida- Tnedija 2020’. Matul din il-konferenza, il-GRTU nediet id-dehra ġdida tagħha, hekk kif issa se tkun magħrufa bħala l-Malta Chamber of SMEs. 

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri tenna l-impenn tiegħu li jsostni negozji żgħar u medji bħala sinsla kruċjali għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta. “Il-prijorità ewlenija tiegħi bħala Ministru se tkun dik li kontinwament nisma’ dak li għandhom bżonn in-negozji żgħar u medji, u għalhekk nilqa’ l-pass proattiv u kuraġġuż tal-GRTU li ssir il-Malta Chamber of SMEs. Dan il-pass jirrifletti kif il-GRTU, jew aħjar kif se tkun magħrufa issa – il-Malta Chamber of SMEs, hija kommessa li tadatta mal-bidliet u l-isfidi li qed iġib miegħu s-suq. Irrid li aħna mmorru għand in-negozji, u mhux in-negozji jiġu għandna,” qal il-Ministru Schembri. 

Il-Ministru Silvio Schembri nnota kif informazzjoni uffiċjali turi li l-kontribuzzjoni tan-negozji Maltin lejn l-ekonomija hija viċin in-nofs tal-valur totali addizzjonali. “Fl-isfond tal-fatt li l-Malta Chamber of SMEs tirrappreżenta ‘l fuq minn 7000 negozju, dan jitfa’ ċerta pressjoni fuq l-organizzazzjoni sabiex tmur lil hinn u ssib modi sabiex tnaqqas il-pressjoni li jħabbtu wiċċhom magħha n-negozji. Għalhekk nilqa’ l-inizjattivi u servizzi li se jkunu mnedija fl-2020, li ħafna minnhom se jispeċjalizzaw fuq assistenza għal negozji, u sabiex dawn jkunu esposti għal teknoloġiji ġodda, fost oħrajn. Iżjed importanti però, huwa li tul dan il-vjaġġ il-gvern se jkun ta’ spalla biex jifhem dak li għandkom bżonn, l-isfidi tagħkom, u flimkien nidentifikaw triq ‘il quddiem fl-aqwa interess ta’ kulħadd,” qal il-Ministru Schembri.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħeġġeġ lill-Malta Chamber of SMEs u organizzazzjonijiet oħra biex jibdew min issa jħejju għal meta jiġi fis-seħħ il-budget il-ġdid tal-Unjoni Ewropea s-sena d-dieħla. Il-membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu gwidati fuq miżuri li tkun se taddotta l-Unjoni Ewropea dwar proposti li qed jiġu diskussi bħalissa, bħalma huma l-Green Deal, it-tibdil għas-Single Market u d-Digital Single Market.

Is-Segretarju Parlamentari rrefera wkoll għan-negozjati preżenti dwar il-Budget tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li jmiss, li jrid jittieħed fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit li se jseħħ fi ftit ġranet oħra. Huwa qal li Malta qed tistenna li kull pajjiż membru jingħata ‘fair deal’, fejn jinstab il-bilanċ mixtieq bejn il-fondi li se jkunu disponibbli u l-aspirazzjonijiet ta’ kull pajjiż membru.

Paul Abela, il-President tal-Malta Chamber of SMEs qal li l-bidla fid-dehra kien pass naturali ‘l quddiem. Il-bidla fl-isem tirrifletti s-sens ta’ avvanz, kif ukoll mod aħjar sabiex l-Malta Chamber of SMEs ikun jista’ jikkomunika aħjar ix-xogħol tiegħu mal-membri. “Huwa sens ta’ dover li nġeddu lilna nfusna u nadattaw għall-bidliet li qed iseħħu,” qal is-Sinjur Abela.

Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Chamber of SMEs, tat preżentazzjoni dettaljata dwar il-vjaġġ ta’ dik li kienet il-GRTU sabiex waslet fejn qegħda llum. “70 sena ilu, l-GRTU bdiet bħala union tal-bejjiegħa minn grupp żgħir ta’ bejjiegħa. Il-GRTU kompliet tikber matul is-snin u saħħet is-servizzi li tipprovdi u lil hinn minnhom. “L-inizjattiva tal-bidla fid-dehra provdiet opportunità ideali sabiex insaħħu d-djalogu soċjali u nipprovdu servizzi aħjar lil min nirrapreżentaw. Dan jippermetti sabiex il-Malta Chamber of SMEs tagħmel l-aħjar użu mill-fondi Ewropej, li għamlitha iktar possibli sabiex twettaq studju dwar il-perċezzjoni u dak li jistennew in-nies, fl-istess waqt li ġew ingaġġati esperti u kompliet tinħoloq kuxjenza - liema studji kien possibli bis-sehem ta’ msieħba u l-pubbliku inġenerali,” qalet is-Sinjura Mamo, li żiedet li dan kollu serva ta’ opportunità biex tkompli tibni fuq is-suċċessi tal-passat.