Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200067

PR200067

21/01/2020

STQARRIJA MILL-GVERN TA’ MALTA

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif aktar kmieni dalgħodu fil-laqgħa tal-Kabinett, tressqet proposta dwar il-metodu ġdid tal-għażla ta' Kummissarju tal-Pulizija, liema proċess se jwassal għal aktar skrutinju u trasparenza fl-għażla ta' din il-kariga importanti fil-Korp tal-Pulizija.

Il-bidliet proposti se joħolqu metodu ġdid ta' kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Prim Ministru spjega kif l-ewwel ser issir kompetizzjoni pubblika regolata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC). Huwa saħaq kif il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku hija organu mwaqqaf mill-Kostituzzjoni,  b'żewg membri maħtura mill-Prim Ministru u żewg membri mill-Kap tal-Oppożizzjoni, b'Chairman maqbul bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. 

Il-Kummissjoni mbagħad tevalwa l-applikazzjonijiet, tagħmel short list u tasal għall-aktar żewġ kandidati indoneji minn dawk li japplikaw, li jiġu riferuti lill-Kabinett. Il-Kabinett jagħżel kandidat minn dawn it-tnejn li jintbagħat għal grilling quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Ħatriet Pubbliċi sabiex joqgħod għall-iskrutinju tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Wara jittieħed vot parlamentari quddiem dan il-Kumitat.

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif dan il-mekkaniżmu juri biċ-ċar li dan il-Gvern huwa konvint mis-saltna tad-dritt u t-trasparenza, u qed jimplimenta b'mod attiv ir-rakkomandazzjonijet tal-Kummissjoni Venezja.

Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Venezja kienet irrakkomandat li jkun hemm sejħa pubblika għal Kummissarju tal-Pulizija. Saħansitra l-Kummissjoni Venezja tgħid li l-Prim Ministru jista' joġġezzjona (veto) għall-għażla tal-PSC, iżda l-Prim Ministru qiegħed iċedi dan id-dritt.

Iktar minn hekk, se jkun hemm l-iskrutinju parlamentari biex il-gvern qed ikun saħansitra għamel iktar minn dak li pproponiet il-Kummissjoni Venezja.

"Irrid Kummissarju tal-Pulizija li jkun serju u jagħmel xogħlu mingħajr indħil. Aħna gvern li niddeċiedu u li qed jaġixxi," temm il-Prim Ministru.