Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200124

PR200124

29/01/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’numru rekord ta’ 7.3 miljun passiġġier fl-2019 iħabbar il-pjan ta’ investiment ta’ €100 miljun fl-espansjoni tat-terminal

Is-sena 2019 immarkat numru rekord ta' 7.3 miljun passiġġier li jfisser żieda ta' aktar minn nofs miljun passiġġier fuq is-sena preċedenti.

 

F'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjoni ta' Malta s-Sur Alan Borg, ingħataw dettalji dwar it-tbassir tat-traffiku tal-passiġġieri għas-sena 2020.  Hu stmat li s-sena d-dieħla l-passiġġieri se jiżdiedu b'bejn 2 u 3% oħra.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ddeskriviet dawn il-figuri bħala eċċellenti u li jikkonfermaw kif il-politika tal-gvern li jżid il-konnettività minn u lejn pajjiżi differenti qed tħalli r-riżultati meħtieġa.

 

Il-Kap Eżekuttiv Alan Borg ta rendikont tat-traffiku rreġistrat fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta fl-2019. Is-suq mir-Renju Unit jibqa' l-aktar suq b'saħħtu b'1.7 miljun passiġġier segwit minn dak Taljan, Ġermaniż, Franċiż u dak Spanjol.

 

Il-Ministru Farrugia Portelli rrimarkat dwar kif l-investiment fuq reklamar f'pajjiżi speċifiċi mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, qed iħalli riżultati b'saħħithom. L-istatistika turi li l-passiġġieri minn Spanja matul l-2019 żdiedu b'17.3%. Riżultati pożittivi oħra jinkludu fost l-oħrajn dawk mis-suq Franċiż, b'żieda ta' 10.8% fuq is-sena ta' qabel.

 

Is-Sur Borg ħabbar proġett ambizzjuż tal-espansjoni tat-terminal fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta. B'investiment ta' €100 miljun, l-ajruport ikun jista' jlaħħaq mal-miri tat-tkabbir fil-passiġġieri u joffri terminal ta' ħames stilel.

 

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, is-Sur Ronald Mizzi.