Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr200149

PR200149

31/01/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Se jsir taħrig speċifiku għall-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data f’kull ministeru

F’konferenza fl-okkażjoni ta’ Jum il-Protezzjoni tad-Data, organizzata mill-Uffiċċju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis qal li din hija opportunità biex ikompli jitwassal l-għarfien dwar id-drittijiet tal-individwi fil-kuntest tal-iproċessar ta’ data personali.  

Il-Ministru Edward Zammit Lewis tenna żewġ objettivi li flimkien mal-entitajiet rispettivi ħa jkunu ta prijorità f’dan il-qasam. L-ewwel huwa dak li jsir taħriġ mal-ministeri kollha għall-uffiċjali ta’ kull livell. Dan it-taħriġ ser ikun iffukat fuq l-użu tar-riżorsi li jeżistu biex l-amministrazzjoni pubblika timplimenta Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) b’mod xieraq. It-taħriġ mhux se jkun wieħed ġeneriku, iżda s-sessjonijiet se jagħtu ħarsa lejn l-iktar proċessi komuni li wieħed isib fil-ministeri, entitajiet u dipartimenti tal-Gvern. Dan it-taħriġ ippjanat li jibda x-xahar li ġej u li għandu jibqa’ għaddej tul din is-sena u lil hinn skont il-ħtieġa.  

It-tieni objettiv huwa li fil-ġimgħat li ġejjin jitressqu reviżjonijiet fil-liġijiet sussidjarji taħt l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, dan wara li saru diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea  biex il-Gvern ikun iktar konformi mar-Regolament Ġenerali u jibqa’ jkun mudell ta’ governanza tajba f’dan il-qasam. 

Fl-għeluq tad-diskors tiegħu, il-Ministru rringrazzja lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data għax-xogħol li jagħmlu ta’ kuljum biex jinxtered iktar l-għarfien dwar dan il-qasam fis-soċjetà inġenerali, inkluż is-settur privat u biex jitħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini kif ukoll lit-Taqsima għall-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-Ministeru.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti Johan Galea, filwaqt li elenka l-ħidma li saret f’dan il-qasam tul is-sena li għaddiet, saħaq fuq konformità mal-GDPR li tfisser ukoll konformità ma’ servizz ta’ kwalità u ta’ eċċellenza.