Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201238

PR201238

01/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA, U L-GOVERNANZA U MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL, U SOLIDARJETÀ SOĊJALI Liġi ġdida għal iktar protezzjoni għat-tfal

Wara diversi snin ta' stennija, mil-lum daħlet fis-seħħ il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, fejn l-Ordni tal-Ħarsien issa se tkun qed toħroġ mill-Qorti għall-Minorenni u mhux mill-ministeru responsabbli.​

Din il-liġi se tip roteġi lil dawk it-tfal li jkunu qegħdin jesperjenzaw kull tip ta' vjolenza, abbandun jew li għandhom bżonn xi forma ta' protezzjoni, u li minħabba f'hekk ma jkunux qegħdin jikbru f'ambjent b'saħħtu. Din il-liġi tolqot ukoll lill-professjonisti li jaħdmu mat-tfal u l-familji tagħhom kif ukoll lil dawk in-nies li huma lesti li jiftħu biebhom biex jilqgħu għandhom lil dawn it-tfal.

Din il-liġi se tara tliet ordnijiet ta' protezzjoni alternattivi għall-ordni għall-ħarsien, bit-tfal issa ser ikunu qegħdin jipparteċipaw f'kull stadju tal-proċess u l-interessi tagħhom ser ikunu rrappreżentati minn Avukat tat-Tfal. It-tfal ser ikunu qed jinstemgħu f'ambjent adattat għalihom li joffri sigurtà u ambjent kalm 'il bogħod mill-Qorti, bid-dritt tal-Appell f'kull stadju tal-proċess, bi preżunzjoni f'din il-liġi li l-minuri kapaċi jesprimi l-opinjoni u x-xewqat tiegħu.

Flimkien ma' dan, kull professjonist involut fil-proċess irid jirċievi taħriġ speċifiku f'dan il-qasam.

Il-Ministru għall-Familja, Dritijiet tat-Tfal, u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon irrimarka li, “sa fl-aħħar daħlet fis-seħħ, il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, dan wara diversi snin ta' stennija. Liġi illi hija l-frott ta' ħafna konsultazzjoni u kooperazzjoni. Din il-liġi hija intiża li ttejjeb il-ħarsien tat-tfal f'pajjiżna. Huwa pjaċir u unur għalija li rnexxielna naslu biex fl-aħħar għandna Liġi tal-Ħarsien tat-Tfal adattata kemm jista' jkun għaż-żminijiet tal-lum."

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis qal li permezz ta' din il-liġi ser ikunu qed jiġu mgħejuna u mħarsa t-tfal Maltin u Għawdxin kollha. Saħaq li bħala ministru responsabbli mis-settur tal-ġustizzja, irid jara li din isservi lil kulħadd bl-aqwa mod possibbli, fl-interess suprem tal-minorenni, fejn id-deċiżjonijiet mhux jittieħdu mill-politiċi, iżda mill-ispeċjalisti u mill-qrati tagħna.

Għal iktar dettalji dwar din il-liġi wieħed jista' jaċċessa il-link: https://family.gov.mt/en/Pages/Minor-Proctection-Act-2020.aspx.