Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201240

PR201240

01/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U NEGOZJI ŻGĦAR U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Il-ftuħ tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli pparteċipaw fil-ftuħ tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta kif ukoll kienu preżenti għall-ewwel titjira kummerċjali tal-Air Malta lejn Malta b'108 passiġġieri abbord.

 

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri rringrazzja lil dawk kollha involuti biex wasalna fejn qegħdin illum, il-ftuħ mill-ġdid tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, il-post li jiġġenera attività ekonomika essenzjali li taffettwa lil kull familja u settur, jiġifieri t-turiżmu. “Bdejna vjaġġ ta' normalità ġdida. Nistqarr li jien stess li jien minn Ħal Luqa kont ħassejt in-nuqqas tal-magna tal-ajruplan li tinstema' kultant żmien u llum qegħdin hawn nassistu għal pass importanti li ksibna flimkien permezz ta' kollaborazzjonijiet u s-sagrifiċċji li għamilna flimkien. Li wieħed jiġbed l-istess ħabel kien u jibqa' ta' importanza kbira u nistenna bil-ħerqa li nerġa' nara turisti jgawdu l-ġmiel tal-gżejjer tagħna u jkun attirat investiment ġdid li jikkumplimenta s-settur tal-avjazzjoni f'pajjiżna", qal il-Ministru Schembri.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli elenkat l-importanza tal-ftuħ mill-ġdid tat-turiżmu – settur li jirrappreżenta 30% tal-ekonomija Maltija. Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet dan il-jum bħala pass importanti u faħħret lill-entitajiet kollha li ħadmu kontinwament biex dan seta' jkun possibbli. Hija rrimarkat dwar kif mil-lum stess se jkun hemm 11-il titjira li se tasal Malta u 12 oħra għada, b'total ta' 81 titjira differenti f'din l-ewwel ġimgħa. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li Malta tinsab kburija li se terġa' tospita mill-ġdid lit-turist u qed tħares 'il quddiem biex sal-aħħar ta' din is-sena nilqgħu mas-700,000 turist.

 

“Illum jimmarka l-bidu uffiċjali għal dak li se jkun vjaġġ twil u ta' sfida lejn l-irkupru. Madankollu, jiena ottimist li jekk inkomplu naħdmu flimkien mal-partijiet interessati kollha tal-industrija, inklużi l-linja nazzjonali tagħna u linji tal-ajru msieħba oħra, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, aħna eventwalment naraw li l-ajruport tagħna jkun mimli mill-ġdid bl-attività u nilħqu t-turiżmu sostenibbli f'termini ta' numri", qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta s-Sur Alan Borg.

 

Iż-żewġ ministri flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta Alan Borg laqgħu t-titjira KM613 tal-Air Malta minn Ruma, l-ewwel titjira kummerċjali tal-linja tal-ajru li ġġib it-turisti lejn il-gżejjer wara l-għeluq tal-ajruport fil-21 ta' Marzu 2020.​​