Illum fil-Kamra tad-Deputati, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis ressaq bħala l-Ewwel Qari skont il-proċedura parlamenteri 10 Abbozzi ta' Liġi bit-titoli li ġejjin;
- ATT sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta' Malta relattivi għall-ħatra tal-President ta' Malta.
- ATT sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta' Malta relattivi għall-ħatriet ta' Mħallfin u Maġistrati.
- ATT sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta' Malta u l-Att dwar Kummisjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, Kap. 369, relattivi għat-tneħħija mill-karigi ta' Imħallfin u Maġistrati.
- ATT sabiex jemenda liġijiet bil-għan li jirriforma l-proċedura li biha jsiru l-ħatriet fil-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzjoni.
- ATT sabiex ikompli jimplimenta riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja billi jipprovdi għall-istħarriġ ġudizzjarju ta' deċiżjonijiet oħra tal-Avukat Ġenerali.
- ATT sabiex jemenda l-liġijiet li jirregolaw l-uffiċju tal-Ombudsman.
- ATT sabiex jipprovdi għall-emendi fl-Att dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
- ATT sabiex jemenda diversi liġijiet bil-għan li jifforma l-proċedura li biha jsiru l-ħatriet tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u tas-Segretarji Permanenti.
- ATT li jipprovdi għall-emendi tal-liġijiet relattivi għall-ħatra ta' persuni ta' fiduċja.
- ATT sabiex jemenda diversi liġijiet bil-għan li jirriforma l-proċedura li biha jsiru diversi ħatriet.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis ser ikun qed jiskatta l-proċess sabiex jiġu ppubblikati l-ewwel erba' Abbozzi ta' Liġi hawn fuq indikati u dana sabiex issir il-publikazzjoni tagħhom skont il-proċedura parlamentari, u ssir id-diskussjoni tagħhom fil-Kamra tad-Deputati mill-aktar fis possibbli. Dan jifforma parti mid-djalogu strutturat li ġie miftiehem mal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa fejn il-proċess parlamentari ser jagħti lok għal diskussjoni strutturata fuq dawn is-suġġetti tant importanti għad-demokrazija, tisħiħ istituzzjonali, saltna tad-dritt u l-buon governanza f'pajjiżna.
Fi kliem il-Ministru Zammit Lewis stess, dan juri kemm “l-Amministrazzjoni Robert Abela hija ben ippreparata f'dan il-proċess ta' riformi li prattikament wasal f'ħoġor il-Kamra tad-Deputati f'perjodu ta' ħames xhur. Dan juri is-serjetà u r-rieda politika tal-gvern li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet f'pajjiżna."