Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201306

PR201306

09/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Investiment ta’ €2 miljuni fil-Valletta Waterfront

Ix-xhur li matulhom il-Valletta Waterfront kien nieqes minn kull xorta ta' negozju minħabba l-COVID-19 servew biex il-Valletta Cruise Port u s-sidien tal-istabbilimenti tal-post komplew jinvestu bil-għan li tkompli tissebbaħ id-dehra tal-post. Tul dan il-perjodu ġew investiti €2 miljuni biex saru strutturi ta' tined moderni, prattiċi u avvanzati li filwaqt li jirrispettaw l-aspett storiku tal-post jinkorporaw l-iskop tal-passat u tal-preżent tiegħu. Tined li jagħtu dehra isbaħ, u aktar friska lill-post, mgħammra b'teknoloġija avvanzata, li jolqtu l-għajn tat-turist hekk kif jasal Malta għall-ewwel darba mill-baħar.

 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg, fejn flimkien mat-tmexxija tal-Malta Cruise Port żaru n-negozji tal-Valletta Waterfront li bħal ristoranti oħra reġgħu bdew joperaw fl-aħħar ġimgħat b'sistemi u protokolli ġodda. Il-Ministru kellha kliem ta' tifħir għall-mod li bih it-tmexxija tal-post dawwret perjodu ta' waqfien min-negozju f'wieħed ta' sfida biex ikomplu jsaħħu l-istess negozju filwaqt li jkompli jitjieb il-prodott turistiku.

 

“Id-determinazzjoni li ntweriet fil-konfront tas-sitwazzjoni li nħolqot mill-COVID-19 xprunat lil kull min hu involut biex jidħol għal din l-isfida. Determinazzjoni li mhix ġdida fin-natura tagħha fejn jirrigwarda l-Valletta Waterfront. Biżżejjed jingħad li minn meta l-post għadda f'idejn il-Valletta Cruise Port fis-sena 2002 ġew investiti madwar €30 miljun biex illum il-post, flimkien mad-dehra meraviljuża tal-Port il-Kbir, joffri l-ewwel impressjoni lill-eluf kbar ta' turisti li jżuruna fuq il-cruiseliners. Dan l-investiment ta' €2 miljuni żgur li se jħalli impatt fuq it-turist malli jasal hawnhekk u jsib din id-dehra ġdida. Huwa ttamat li dawn iż-żjarat nerġgħu nibdew narawhom mix-xahar li ġej, Awwissu," qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

 

Is-sena li għaddiet kienet waħda rekord għal dan il-post. Il-movimenti tal-passiġġieri kienu jammontaw għal 900,000, li turi żjieda ta' 27% fuq dik tas-sena ta' qabel u ta' 83% fuq tas-sena 2010.

Min-naħa tiegħu s-Sur Stephen Xuereb, CEO tal-Valletta Cruise Port u COO ta' Global Ports Holding, qal li matul is-snin li għaddew, flimkien mal-periti u s-sidien tar-ristoranti ħadmu biex jiżviluppaw soluzzjoni li tindirizza l-bżonnijiet prattiċi għal destinazzjoni ta' rilassament fil-beraħ. “Dan filwaqt li nirrispettaw il-valuri storiċi u estetiċi tal-post, nibqgħu ffukati li nipprovdu esperjenza ta' kwalità għall-klijenti tagħna kemm lokali kif ukoll barranin," qal is-Sur Xuereb.

 

Il-Valletta Waterfront huwa ffurmat minn dawk li kienu 19-il maħżen mibnijin fi żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann mill-Gran Mastru Pinto u jmorru lura madwar 270 sena. Imħażen li kienu jservu biex fihom tinħatt u tinħażen merkanzija li kienet tasal fuq ix-xwieni.

​ 

​​