Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201309

PR201309

09/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR 20,000 passiġġier f’Malta fl-ewwel ġimgħa mill-ftuħ mill-ġdid tal-Ajruport

F'għeluq ġimgħa mill-ftuħ mill-ġdid tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, fuq stedina ta' żewġ lukandi ta' ħames stilel, boutique hotel u lukanda ta' tliet stilel, żaret il-kmamar u outlets ġodda flimkien ma' xogħlijiet ta' tisbiħ u servizzi ġodda li għamlu waqt il-pandemija tal-COVID-19 biex it-turisti li reġgħu bdew iżuru pajjiżna u jesperjenzaw prodott turistiku aħjar u ta' kwalità.

 

Il-lukandi huma: Intercontinental, Holiday Inn Express, Holm Boutique & Spa fil-Balluta, u The Palace Hotel f'Tas-Sliema. Holm Boutique Hotel u Holiday Inn Express fetħu għall-ewwel darba ftit qabel bdiet l-imxija tal-COVID-19. Is-sidien ta' dawn il-lukandi esprimew is-sodisfazzjon tagħhom mal-wasla ta' 20,000 passiġġier f'Malta proprju fl-ewwel ġimgħa mill-ftuħ mill-ġdid tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u kollha kienu entużjasti li għalkemm ilhom ftit ġranet biss li fetħu, it-turisti u l-Maltin bdew jirrispondu pożittivament u kkonfermaw li se jkollna sajf. Dan wara li kien hemm 'il fuq minn 220 titjira minn u lejn Malta kif ukoll 11-il vjaġġ bil-katamaran. Minbarra li t-turiżmu intern kien u għadu qed jirrikorri tajjeb ukoll, is-sidien tal-lukandi qed iħarsu 'l quddiem biex jilqgħu iżjed turisti fiż-żmien li ġej, partikolarment mill-ġimgħa d-dieħla meta jkompli jiftaħ għal aktar destinazzjonijiet l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta.

 

Waqt din iż-żjara, il-Ministru Farrugia Portelli bdiet billi faħħret ix-xogħol kollu li sar minn dawn il-lukandi waqt il-pandemija għaliex kull ma jmur it-turist qed ikompli dejjem ifittex il-kwalità. Il-ministru ltaqgħet ukoll ma' numru ta' turisti u familji li ġew minn pajjiżi bħall-Awstrija, d-Danimarka, l-Italja, l-Irlanda u r-Repubblika Ċeka. Uħud minn dawn it-turisti qed iżuru Malta għall-ewwel darba, inkluż koppja li għażlu lil Malta fl-aħħar ħin għall-qamar il-għasel tagħhom, filwaqt li oħrajn saħansitra ġew Malta għall-ħames u anki l-11-il darba. Dawn kollha kellhom kliem ta' tifħir għal Malta u kemm kienet importanti għalihom li jivjaġġaw f'destinazzjoni sigura. Il-Ministru  Farrugia Portelli sostniet li minkejja li s-sitwazzjoni internazzjonali għadha waħda imprevedibbli għall-aħħar, dawn in-numri huma inkoraġġanti, anki bin-numru ta' bookings li diġà hemm ikkkonfermati mhux biss f'dawn il-lukandi imma f'oħrajn li għandna mifruxa f'pajjiżna.

 

Filwaqt li t-titjiriet qed jiżdiedu progressivament u d-domanda għal Malta qed tkompli tikber, il-Ministru Julia Farrugia Portelli temmet billi qalet li “aħna kommessi li nkomplu naħdmu biex insostnu din l-industrija tant importanti u ewlenija għal pajjiżna billi nieħdu kull opportunità sabiex inkabbru l-konnessjonijiet u l-viżitaturi fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin."

 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet akkumpanjata miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u kif ukoll mil-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti l-MHRA Tony Zahra.​