Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201325

PR201325

10/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA: Malta se taħtar żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej

​Il-Ministru tal-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis iltaqa', permezz ta' faċilitajiet elettroniċi, mas-Sinjura Laura Codruța Kövesi, il-Prosekutur Ewlieni Ewropew fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), uffiċċju li bħalissa qiegħed jitwaqqaf bil-għan ewlieni li jsaħħaħ l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja ta' reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bħal frodi u reati ta' ħasil tal-flus.

 

Waqt din il-laqgħa, is-Sinjura Kövesi esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li, minkejja l-ostakli oġġettivi li kellha Malta sabiex tinnomina Prosekutur Ewropew fuq il-Kulleġġ tal-Prosekuturi fi ħdan dan l-Uffiċċju minħabba n-numru limitat ta' applikanti eleġibbli, Malta rnexxielha taħdem b'mod effiċjenti u effettiv ħafna mal-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Ġermaniża attwali tal-Kunsill tal-UE sabiex tiżblokka s-sitwazzjoni.

 

Il-Ministru Zammit Lewis spjega numru sinifikanti ta' riformi li qed isiru fuq livell nazzjonali bil-għan illi jissaħħu l-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tal-istrutturi u l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-ġustizzja, wara djalogu strutturat mal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll mal-Kummissjoni Ewropea.

 

Il-gvern issa se jibda l-proċess ta' għażla ta' żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej biex jingħaqdu ma' dan l-Uffiċċju li ser ikunu stazzjonati Malta. Dan se jsir permezz ta' sejħa pubblika.

 

Il-Ministru Edward Zammit Lewis tenna li “Dan il-gvern huwa impenjat u kommess li jkompli jmexxi 'l quddiem aktar riformi fil-kuntest tar-riforma ħolistika nazzjonali tal-Ġustizzja. Dan hu eżattament dak li wegħdet l-Amministrazzjoni Robert Abela u dan huwa dak li qed jirnexxielna nwettqu."​