gov.mt

pr201340

PR201340

14/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR: Żieda fir-riċiklar f'pajjiżna: 6,550 tunellata ta' ħġieġ se jiġu użati fi prodotti ġodda​

​​

Il-gvern għadu kif esporta madwar 6,550 tunellata ta' ħġieġ imħallat – l-ikbar ammont ta' ħġieġ esportat sa mis-sena 2013. 

 

Din l-inizjattiva tagħmel parti minn xogħol estensiv li qed tagħmel il-Wasteserv sabiex timxi aktar lejn approċċ ta' ekonomija ċirkolari sabiex ċerti materjali jiġu proċessati u jerġgħu jiddaħħlu fis-suq. 

 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt żjara tal-operazzjonijiet ta' esportazzjoni mill-Port il-Kbir mal-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca. 

 

Il-ministru spjega li dan l-approċċ se jgħin lil Malta tilħaq livelli ambjentali ġodda u tkompli ssir ġustizzja mal-poplu Malti li jissepara l-iskart fid-dar tiegħu. Il-ħġieġ, li ġie miġbur minn diversi Civic Amenity Sites madwar Malta u Għawdex, bring-in sites u minn wara l-bibien tan-nies se jiġu trasformati f'materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw biex jiġu manifatturati prodotti ġodda. Dan se jippermetti sabiex tingħata ħajja ġdida lill-iskart. 

 

“Din tagħmel parti mill-viżjoni tal-gvern li għandu f'dan is-settur. Malta qed timxi lejn livelli ogħla fil-performance ambjentali tagħha, fejn l-infrastruttura ta' pajjiżna qed tiġi aktar tirrifletti ż-żminijiet tal-lum, u nemmen li l-pubbliku se jkun qed iqum għall-okkażjoni u jsaħħaħ l-isforzi tiegħu sabiex jissepara l-iskart," qal il-Ministru Farrugia.