Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201349

PR201349

15/07/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Tissaħħaħ sħubija strateġika għal servizz.gov

Is-sħubija strateġika bejn servizz.gov u Centrecom biex jiġu pprovduti servizzi governattivi ssaħħet bi ftehim ġdid għall-ħames snin li ġejjin. B'dan it-tisħiħ se jiżdiedu s-servizzi li se jkun qed iwassal servizz.gov u se titjieb sew il-kwalità tas-servizz provdut. Aktar minn hekk, servizz.gov ingħata strutturi ġodda biex jissaħħaħ maniġerjalment u se jkun qed jikkordina wkoll l-inizjattivi ta' investiment fit-teknoloġija mas-Servizz Pubbliku kollu biex ikun jista' jitwassal servizz ta' kwalità lill-klijenti kemm esterni u kemm interni.

 

Il-ftehim ta' sħubija strateġika ġie ffirmat dalgħodu bejn servizz.gov u Centrecom.  Għal servizz.gov iffirma l-Inġ. Winston Pirotta, il-Kap Eżekuttiv kurrenti tal-aġenzija, waqt li għal Centrecom iffirma s-Sur Robert Spiteri, General Manager. Attenda għall-iffirmar tal-ftehim is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, li huwa direttament responsabbli mill-aġenzija servizz.gov.

 

Fil-kummenti li ta qabel l-iffirmar tal-ftehim, is-Sur Cutajar qal li dan il-ftehim se jkun qed jissiġilla esperjenza pożittiva mill-ħames snin kemm ilu mwaqqaf servizz.gov. L-istess ftehim se jkun qed jibni fuq dak li nkiseb biex jintlaħqu livelli ogħla ta' servizz. Huwa qal li l-aktar kisba importanti tas-snin riċenti ma kinitx l-awards u r-rankings pożittivi u inkoraġġanti ferm li rebaħ is-Servizz Pubbliku imma l-fatt innifsu li minn Servizz Pubbliku li fl-2013 kien issue minħabba n-nuqqasijiet tiegħu, f'temp ta' ħames snin inbidel kollox biex sar jirbaħ awards u ma jibqax servizz ta' qtigħ il-qalb u b'ambizzjoni li nwassluh jipprovdi servizz ta' eċċellenza.

 

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku qal li biżżejjed wieħed iħares lejn ftit figuri biex jinduna l-qabża li kien hemm fil-fiduċja tal-klijenti fis-servizz mogħti. Il-153, li ħames snin ilu lanqas kien jissodisfa 2,500 telefonata fix-xahar, illum qed isolvi problemi ta' aktar minn 600,000 telefonata f'sena. Ħames snin ilu servizz.gov beda b'5 service hubs u llum tela' għal 23, li minnhom kienu jingħataw 250 servizz u llum qed jingħataw aktar minn 1,200 servizz. Il-one-stop-shop online s-sena li għaddiet ġie aċċessat aktar minn miljun darba u l-maltapps tniżżlet 23,000 darba fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena.

 

Is-Servizz Pubbliku jrid jimxi maż-żmien u jaġġorna ruħu skont dak li jippreżentalu s-suq. Il-ħinijiet tas-service hubs jirriflettu l-kumdità tal-klijenti u fejn il-klijenti ma jkunux jistgħu jinqdew minn servizz.gov dak il-ħin, servizz.gov stess jerġa' lura għand il-klijent fi żmien stipulat bis-soluzzjoni meħtieġa. Is-Servizz Pubbliku jrid ikun preżenti wkoll fuq il-media soċjali u dan huwa investiment ieħor li se jkun qed isir permezz ta' din is-sħubija strateġika. Is-Sur Cutajar enfasizza li dan kollu jista' jsir għax hemm viżjoni, għax il-messaġġ li s-Servizz Pubbliku qiegħed għan-nies u mhux bil-kontra qed naraw li jasal, u għax hemm konsolidament spiss ta' dak miksub ħalli nkomplu nibnu fuq is-suċċessi u mhux nikkuntentaw bihom u nieqfu hemm.

 

L-imxija li għaddejna minnha wriet is-Servizz Pubbliku fl-aqwa tiegħu. Ma kellniex kollox fuq ir-rubini imma ħadna l-okkażjoni naraw fejn kien żmerċ. Bħalissa qed naraw li dak li jista' jkun aħjar jiġi rranġat għax l-arloġġ ma jistax jitreġġa' lura. Is-Servizz Pubbliku diġà huwa leader fis-soċjetà fejn jidħol bilanċ bejn ħajja u xogħol, fosthom fix-xogħol mid-dar. Tant hu hekk li prattikament mil-lum għal għada s-Servizz Pubbliku qaleb minn servizzi mill-uffiċċji għal kważi totalment mid-djar.

 

Dak il-vantaġġ irridu nibnu fuqu. Is-Sur Cutajar spjega li issa servizz.gov se jkun qed jikkordina l-inizjattivi kollha fis-Servizz Pubbliku li jwasslu għal titjib fis-servizz u anke se jkun involut biex jinħolqu hubs li minnhom ikun jista' jsir remote working.

 

Għal dan il-għan servizz.gov fil-ħmistax-il jum li ġejjin se jkun qed jibdel l-istrutturi tiegħu u jissaħħaħ maniġerjalment biex jilqa' għal dawn l-isfidi li essenzjalment huma r-ruħ ta' din is-sħubija strateġika li għandha twassal biex tabilħaqq ikollna Servizz Pubbliku li jwassal lill-klijenti tiegħu servizz ta' eċċellenza, temm jgħid is-Sur Cutajar.​​