Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201356

PR201356

16/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Opportunità sabiex presepji Maltin u Għawdxin jiġu esebiti f’Washington DC

​​​​

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, permezz tad-Direttorat tal-Kultura, fl-aħħar xhur kien f'negozjati mal-mużew ta' fama internazzjonali, Museum of the Bible f'Washington DC, fejn intlaħaq arranġament sabiex numru ta' presepji jkunu jistgħu jiġu esebiti f'dan il-mużew bejn Novembru 2020 u Jannar 2021. Dan bl-eventwalità li l-presepju, li jiġi ġġudikat l-ewwel, ser ikollu l-unur li jibqa' esebit għal dejjem fl-istess mużew.

 

Sabiex jingħażlu dawn il-presepji, id-Direttorat qed iniedi kompetizzjoni bl-iskop li jiġu magħżula mhux aktar minn għaxar (10) presepji Maltin u Għawdxin bil-għan li jingħata lill-presepisti u lill-artisti Maltin u Għawdxin iktar għarfien internazzjonali għall-ħiliet tagħhom.

 

Presepji li jidħlu għal din il-kompetizzjoni jridu jkunu lesti u mwassla fil-post indikat mid-Direttorat tal-Kultura sat-Tlieta 15 ta' Settembru 2020. Il-ministeru laħaq ukoll ftehim sabiex presepist wieħed ma' kull presepju li jiġi magħżul ser ikollu l-vjaġġ bejn Malta-Washington-Malta mħallas fuq bażi Economy Class.

 

“Permezz ta' din il-wirja ħa nagħtu, ninkoraġġixxu u niftħu din it-tradizzjoni lill-artisti u lill-presepisti Maltin u Għawdxin biex ix-xogħol u t-tradizzjonijiet Maltin ikunu iktar rikonoxxuti madwar id-dinja f'dan il-qasam ta' turiżmu reliġjuż", qal il-Ministru Herrera.

 

Min hu interessat jipparteċipa, jista' jikteb lil emanuel.e.vella@gov.mt sa 31 ta' Lulju 2020. Se tinżamm laqgħa ta' informazzjoni għal dawk kollha li huma interessati jipparteċipaw f'din il-wirja nhar il-Ħadd 2 ta' Awwissu 2020 fl-10.00 a.m.

 

Il-post fejn ser issir il-laqgħa jiġi kkomunikat lil kull min jagħmel kuntatt mad-Direttorat tal-Kultura. Inħeġġu lil dawk kollha interessati sabiex jattendu.

 PR201356a.pdf