Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201370

PR201370

17/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA, U L-GOVERNANZA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Konsultazzjoni dwar strateġija diġitali għal aktar effiċjenza u aċċessibiltà fil-qasam ġudizzjarju

​​

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej, nieda konsultazzjoni pubblika li ser tkun qed tiġi segwita mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza fil-Ġustizzja (CEPEJ), biex titfassal strateġija diġitali u pjan ta' azzjoni.

 

L-għan ta' din l-istrateġija huwa li nsaħħu l-użu tat-teknoloġija fis-settur ġudizzjarju, bil-mira li s-sistema ġudizzjarja f'pajjiżna tkun waħda iktar effiċjenti, u iktar aċċessibbli għal kulħadd.

 

Matul il-konsultazzjoni mifruxa fuq perjodu ta' sena, is-CEPEJ ser ikunu qed jikkonsultaw ma' għoxrin entità li huma relatati mas-settur ġudizzjarju ta' pajjiżna. Wara li titlesta din il-konsultazzjoni, se titfassal strateġija diġitali u pjan ta' azzjoni. Dan id-dokument se jgħaddi għand il-Ministeru għall-Ġustizzja biex dan ikun jista' jwettaq dawn ir-riformi.

 

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis tkellem dwar l-importanza ta' sistema ġudizzjarja effiċjenti. Saħaq li meta l-ġustizzja ma tingħatax fil-ħin, il-ġustizzja ma tkunx waħda effikaċi. Il-ministru żied jgħid li huwa kommess li jwettaq dawn ir-riformi, biex pajjiżna jkun konformi ma' standards Ewropej u Internazzjonali fejn tidħol strateġija diġitali fil-ġustizzja tagħna.

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li din il-konsultazzjoni se tkun iffinanzjata minn fondi ċentralizzati Ewropej permezz ta' 'Social Reform Support Programme'. Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li dan mhux l-ewwel proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej li qed jippromwovi aktar diġitalizzazzjoni fis-settur ġudizzjarju hekk kif aktar kmieni din is-sena ġiet imnedija l-website legislation.mt.

 

Indirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet ukoll id-Direttur tad-Direttorat Ġenerali għall-Istructural Reform Support, Kasper Richter, u s-Segretarju Eżekuttiv tas-CEPEJ, Muriel Decot. Dawn qalu li din hija inizjattiva li effettivament ser tkun qed twassal biex ikollna ġustizzja aktar aċċessibbli f'pajjiżna. Spjegaw ukoll li huma ser ikunu qed jaħdmu fuq sistemi simili ma' pajjiżi oħra, biex ikunu stabbiliti standards ogħla fis-sistemi ġudizzjarji madwar l-Unjoni Ewropea.

​