Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201389

PR201389

22/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Tmiem il-ġimgħa rilassanti f’Wied iż-Żurrieq

‘Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq’ hi t-tema ta’ tmiem din il-ġimgħa għal jumejn ta’ attivitajiet f’Wied iż-Żurrieq, imtellgħin mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. L-għan ta’ dawn il-jumejn attivitajiet hu li jkun enfasizzat il-ġmiel naturali ta’ Wied iż-Żurrieq u li matulhom se jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ il-familji u t-tfal kif ukoll it-turisti.

L-attivitajiet, kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd 25 u 26 ta’ Lulju, se jkunu mifruxin fuq 13-il siegħa kull ġurnata, mid-9.00am sal-10.00pm. Il-programm ta’ attivitajiet hu mill-aktar varjat u mmirat għal nies ta’ kull età, minn tfal sa kbar. L-attivitajiet ivarjaw minn aspett purament divertenti għal wieħed kulturali, fosthom bi żjarat fit-Torri ta’ Xutu li jagħti fuq il-baħar u bil-parteċipazzjoni taż-żewġ baned tal-Qrendi kif ukoll wirjiet tan-nar.

Fost l-aktar attrazzjonijiet li mistennija jqajmu interess huma ż-żjarat bid-‘dgħajjes tat-turisti’ għall-Blue Grotto. It-traġitti se jsiru bejn id-9.00 ta’ filgħodu u l-4.00 ta’ waranofsinhar, is-Sibt u l-Ħadd. 

Is-servizz b’xejn ta’ trasport ċirkolari għal Wied iż-Żurrieq joffri soluzzjoni għal min jaħseb li jista’ jkollu problema ta’ parkeġġ. Mhux biss, kull min juża dan is-servizz jibbenefika minn eskursjoni b’xejn lejn il-Blue Grotto. Dawk li ma jużawx dan it-trasport jibbenefikaw minn roħs ta’ 50% fuq il-prezz oriġinali. Is-servizz ta’ trasport ċirkolari jkun provdut kull 20 minuta bejn l-għaxra ta’ filgħodu u nofsillejl u jitlaq mill-Pjazza tal-Qrendi, mill-Venda taż-Żurrieq u minn Triq San Niklaw, il-Qrendi (qrib is-Siġġiewi) fejn wieħed ikun jista’ jħalli l-karozza tiegħu.

Il-programm ta’ attivitajiet, apparti dawk imsemmijin, jinkludu wkoll wirjiet ta’ maġija, puppet show, sparar bil-qaws, logħob tal-boċċi u wirjiet minn InGuardia re-enactment kull siegħa, is-Sibt bejn is-6.30  u d-9.00 ta’ filgħaxija u l-Ħadd​ il-wirjiet isiru bejn il-5.30 u t-8.00 ta’ filgħaxija. 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli esprimiet sodisfazzjon li dan tmiem il-ġimgħa ta’ attivitajiet f’Wied iż-Żurrieq se jservi ta’ rilassament għall-familji filwaqt li se tkompli titkattar l-attrazzjoni lokali u turistika ta’ din il-parti ta’ pajjiżna.

“Inħares ’il quddiem b’kuraġġ biex wara s-sitwazzjoni li nħolqot mill-pandemija r-rota terġa’ taqbad ir-ritmu u nerġgħu nibdew naraw it-turisti jaslu bi ħġarhom f’dan il-post. Kull sena Wied iż-Żurrieq kien qed jattira madwar 475,000 turist u magħhom trid iżżid l-eluf ta’ Maltin li jagħmlu l-istess. Il-problema tal-parkeġġ kienet pjuttost iżżomm lura lil ħafna, b’mod partikolari lill-Maltin. Konvinta li s-servizz tat-trasport ċirkolari b’xejn se jkun qed jgħin bil-kbir biex din il-problema tittaffa,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.