Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201409

PR201409

23/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar jibda għada minn Għawdex

Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li se jkun mifrux fuq erbat ijiem jingħata bidu għalih għada, il-Ġimgħa 24 ta' Lulju, mix-Xagħra, Għawdex. Fil- qasam kompetittiv tal-festival, li din is-sena taħbat id-19-il edizzjoni tiegħu, se jkunu qegħdin jipparteċipaw sitt kumplessi tan-nar barranin u wieħed lokali. Il-kumplessi barranin ġejjin mir-Renju Unit, l-Isvizzera, l-Italja (tnejn), Franza u l-Ukrajna. Il-kumpless lokali huwa dak tal-Post tan-Nar St Andrew's Band Fireworks, Ħal Luqa.

 

Fis-sessjoni li se ssir fix-Xagħra se jkunu qegħdin jipparteċipaw il-kumpanija Svizzera La Pirotecnica Sagl, CSP Pyrotechnique ta' Franza u l-kumpanija Taljana Polleggi Pyrotecnics.

 

Magħhom se jkun hemm ukoll wirjiet pirotekniċi ssinkronizzati mal-mużika minn sitt kmamar u assoċjazzjonijiet tan-nar Għawdxin – Għaqda Għoxrin ta' Lulju, Sannat; Għaqda tan-Nar Santa Marija, Żebbuġ; Għaqda tan-Nar, Fontana; Qalb ta' Ġesu Fontana Brothers Fireworks Factory, Fontana; Ħmistax ta' Awwissu Fireworks Factory, Sannat u Sezzjoni Nar San Pawl, Munxar.

 

Il-festival se jkun organizzat mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal- Konsumatur flimkien mal-Awtorità għat-Turiżmu, b'kordinament mal-Ministeru għal Għawdex fejn jirrigwarda s-sessjoni tal-festival li se ssir mix-Xagħra, Għawdex.

 

Dettalji dwar is-sessjoni minn Għawdex u dwar il-kumplament tas-sessjonijiet tal-festival ingħataw mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia f'konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis, 23 ta' Lulju 2020, fil-Belvedere, ix-Xagħra, Għawdex.

 

“Huwa b'sodisfazzjon kbir li se nkunu qegħdin nagħtu bidu għall-festival tal-logħob tan-nar ta' din is-sena minn Għawdex fejn din it-tradizzjoni għandha wkoll għeruq fondi kif rifless minn parteċipazzjoni daqshekk sostanzjali Għawdxija. Ridna wkoll inwasslu dan l-avveniment f'Għawdex biex jitgawda anke mill-Għawdxin li ma jkunux jistgħu jaqsmu lejn Malta għal dan l- avveniment," qalet il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.

 

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li “is-sajf Malti u Għawdxi huwa karaterizzat mill-festi tradizzjonali fl-ibliet u l-irħula tagħna li min-naħa tagħhom jinkorporaw tradizzjoni kulturali oħra, in-nar. Festi li ma jitgawdewx biss minna l- Maltin u l-Għawdxin imma huma wkoll attrazzjoni turistika ewlenija, qasam li issa bil-mod il-mod qegħdin nerġgħu naqbdu r-ritmu fih wara dak li għaddiet u għadha għaddejja minnu d-dinja kawża tal-COVID-19."

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li, “għall-ewwel darba, sitt ikmamar tan-nar u għaqdiet Għawdxin se jkunu qed jagħtu spettaklu flimkien ma' kmamar tan-nar barranin". Dan filwaqt li qal li dan il-lejl ta' spettaklu fix-Xagħra, Għawdex se  jkun qed jiftaħ il- Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar. Dan il-festival iservi ta' divertiment għal dawk kollha li jżuru l-gżira u se jkompli jattira aktar viżitaturi lejn Għawdex.

 

Il-Ministru Clint Camilleri spjega li dan l-avveniment issa sar parti mill-kalendarju kulturali annwali flimkien ma' bosta attivitajiet li jittellgħu minn ġimgħa għal ġimgħa ġewwa Għawdex.

 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi rringrazzja lil dawk kollha involuti sabiex dan il-festival seta' jkun possibbli.

 

Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia tkellem dwar kif l-MTA tinvesti ħafna biex iġġib it-turisti lejn Malta u Għawdex u fit-tħejjija tal-prodott minn diversi aspetti fosthom il-qasam tal-avvenimenti. Fil-fatt qed isir xogħol kontinwu mill-MTA biex il-gżejjer Maltin isiru destinazzjoni tal-avvenimenti. Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar, li issa dħalna fid-19-il sena tiegħu, u “minn sena għall-oħra rajna titjib, u din is-sena mhux se tkun eċċezzjoni. Dan il festival isir mhux biss Malta imma wkoll Għawdex għax nemmnu li Għawdex bħal Malta għandna nbigħuh lit turist bl-istandards u l-livelli għoljin li joffri", temm jgħid Dr Gulia.

 

L-attività f'Għawdex tibda fit-8.30 p.m. u tibqa' sejra sa nofs il-lejl. Il-wirjiet piro-mużikali mill-kumpaniji barranin se jkunu ta' 15-il minuta kull waħda filwaqt li l- parteċipazzjoni ta' sitt postijiet tan-nar u assoċjazzjonijiet Għawdxin se jkunu ta' 10 minuti kull waħda. L-attività tintemm b'wirja minn DCapitals Band.

 

Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar ikompli t-Tnejn u l-Erbgħa, 27 u 29 ta' Lulju rispettivament bl-attivitajiet isiru fl-Imqabba. F'kull ġurnata jittellgħu żewġ wirjiet piro-mużikali fil-qasam kompetittiv akkumpanjati minn wirjiet pirotekniċi Maltin. Il-Gran Finale jsir il-Ġimgħa, 7 ta' Awwissu fil-Port il-Kbir. L-ammont ta' wirjiet pirotekniċi Maltin bħala akkumpanjament se jkun ta' madwar 37 bis-sehem ta' diversi kmamar tan-nar Maltin u Għawdxin. Għal dan il-festival saru l-arranġamenti neċessarji biex ikun provdut servizz ta' trasport permezz ta' shuttle service mill-Malta Public Trasport mill-Imġarr Għawdex għax-Xagħra u lura.​​