Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201424

PR201424

25/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR, MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inawgurat ir-restawr tal-Batterija ta’ Santa Marija f’Kemmuna

​​

Xogħol ta' restawr estensiv li sar fuq il-Batterija ta' Santa Marija li tinsab fuq il-gżira ta' Kemmuna ġie inawgurat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli. Il-Batterija ta' Santa Marija, li hija klassifikata fi Grad 1 u hija protetta minħabba l-arkitettura militari sinifikanti tagħha, kienet inbniet mill-Kavallieri ta' San Ġwann fl-1715. Il-proġett tar-restawr sewa madwar €183,000 li minnhom madwar €150,000 huma minn fondi Ewropej.

 

“Huwa ferm xieraq li post storiku bħal dan ġie restawrat u issa jista' jitgawda minn dawk kollha li jżuru din il-gżira sabiħa. Ir-restawr li sar fuq din il-Batterija huwa pass ieħor fid-direzzjoni tagħna li Kemmuna m'għandhiex tkun sinonima biss maż-żewġ bajjiet mill-isbaħ li għandha, il-Blue Lagoon u l-Bajja ta' Santa Marija. Kemmuna, minkejja ċ-ċokon tagħha, għandha wkoll storja x'toffri. Storja mnaqqxa f'din il-fortifikazzjoni li tikkumplimenta binja oħra ta' difiża, it-Torri ta' Santa Marija, li kien restawrat numru ta' snin ilu u li wkoll jmur lura lejn żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann. Fil-fatt kien inbena mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt fl-1618," qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

 

Il-Ministru żiedet tgħid li  matul is-sena 2019 kważi 32% tat-turisti li ġew Malta żaru Kemmuna, fil-fatt huwa kalkulat li ċ-ċifra kienet tammonta għal aktar minn 876,000. “Ma' daqstant eluf jiżdiedu wkoll l-eluf ta' Maltin li jżuru din il-gżira u jkun xieraq li nkomplu nagħtu pubbliċità lil dawn iż-żewġ fortifikazzjonijiet kif ukoll lill-Kappella dedikata lir-Ritorn tas-Sagra Familja mill-Eġittu li oriġinarjament tmur lura wkoll għal żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann, tant li nbniet fl-1618. Ħidmet dawk li ġew qabilna b'risq il-gżejjer Maltin għandha tkun apprezzata u jkun tajjeb li l-ġenerazzjoni żagħżugħa juru aktar interess f'postijiet storiċi bħal dawn. Huma postijiet bħal dawn li kkontribwew ħafna biex aħna dak li aħna llum," sostniet il-Ministru.

 

Il-Ministru Farrugia Portelli kellha kliem ta' tifħir għal għaqdiet non-governattivi bħalma hija Din l-Art Ħelwa. Hija ddeskriviet l-impenn u l-kontribut ta' din l-għaqda bħala wieħed imprezzabbli fejn jirrigwarda l-ħarsien u ż-żamma ta' postijiet storiċi bħalma huma l-fortifikazzjonijiet fuq il-gżira ta' Kemmuna.

 

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Fondi Ewropej Stefan Azzopardi qal li li bis-saħħa tal-fondi Ewropej qed naraw aktar kollaborazzjonijiet bejn entitajiet tal-Gvern u NGOs. Hu spjega li permezz ta' din il-kollaborazzjoni għar-restawr tal-batterija ta' Santa Marija, bejn Din l-Art Ħelwa flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, qed ikomplu nippromwovu l-istorja ta' pajjiżna, filwaqt li ntejbu l-livell tal-prodott turistiku Malti. Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li “l-kisba ta' €2.25 biljun minn fondi Ewropej timlina b'aktar kuraġġ biex inkomplu nwettqu aktar ħidma favur pajjiżna".

 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li mad-deskasteru tiegħu tagħmel ukoll Kemmuna, esprima s-sodisfazzjon  tiegħu għal dan il-proġett li fi kliemu huwa attrazzjoni oħra fuq din  il-gżira.

 

Min-naħa tiegħu l-President tal-għaqda non-governattiva Din l-Art Ħelwa, il-Professur Alex Torpiano esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-kollaborazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-NGO, u qal li kien grazzi għall-għajnuna siewja tagħhom, kemm bil-kofinanzjament kif ukoll mal-implimentazzjoni tal-proġett li dan ir-restawr ġie konkluż b'suċċess.

 

Preżenti għall-inawgurazzjoni tar-restawr kien hemm ukoll is-Sur Joseph Attard, mill-għaqda non-governattiva Din l-Art Ħelwa, li huwa wkoll il-Gwardjan tal-Batterija.

 

Preżenti kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u d-Direttur dwar l-Iżvilupp tal-Prodott fl-istess Awtorità, il-Perit Kevin Fsadni. ​