Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201427

PR201427

25/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI DBRS tikkonferma r-rating ta’ kreditu għal Malta bħala A (High) b’Outlook Stabbli

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji jilqa' rapport ieħor pożittiv ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ppubblikat minn DBRS Morningstar, wara dak ta' Fitch aktar kmieni dan ix-xahar, li kkonferma l-klassifikazzjoni ta' Malta fil-livell A (High) b'Outlook Stabbli.

 

L-Outlook Stabbli għal Malta, li ġie mill-ġdid ikkonfermat mid-DBRS, irriflettiet il-prestazzjoni ekonomika u fiskali b'saħħitha ta' Malta f'dawn l-aħħar snin li ħalliet lill-pajjiż f'pożizzjoni relattivament tajba biex itaffi l-impatt fuq l-ekonomija minħabba l-imxija tal-COVID-19. Infatti, id-DBRS tinnota li l-Kummissjoni Ewropea qed tistenna li l-impatt negattiv tal-pandemija fuq il-Prodott Domestiku Gross (PDG) ta' Malta se jkun l-inqas fost l-istati membri taż-Żona tal-Ewro fl-2020.

 

DBRS qed tistenna wkoll li l-impatt ekonomiku u fiskali negattiv ta' COVID-19 se jkun temporanju, hekk kif Malta hija mistennija tirkupra b'mod mgħaġġel wara l-ftuħ gradwali tal-ekonomija u l-miżuri ta' sapport tal-Gvern li evitaw tnaqqis sostanzjali fl-impjiegi.

 

Skont ir-rapport, il-klassifikazzjoni ta' A (High) hija sostnuta mil-livell moderat ta' dejn pubbliku ta' Malta, il-pożizzjoni esterna b'saħħitha u l-pożizzjoni finanzjarja robusta tal-familji, fost fatturi oħra. DBRS tinnota wkoll li r-rata ta' tkabbir fil-potenzjal tal-ekonomija baqgħet b'saħħitha u mistennija titla' għal livell ogħla minn 3 fil-mija fuq medda medja ta' żmien.

 

DBRS tgħid li t-track rekord pozittiv fil-finanzi pubbliċi f'dawn l-aħħar snin u l-impenn tal-Gvern sabiex jilħaq il-miri fiskali ser jgħinu sabiex il-finanzi pubbliċi jerġgħu lura f'bilanċ fis-snin li ġejjin.

 

DBRS tinnota wkoll li qabel il-pandemija, il-proporzjon tad-dejn mal-PGD ta' Malta kien spiċċa wieħed mill-inqas fl-UE, wara perjodu ta' tnaqqis qawwi f'dan il-proporzjon. Dan ipprovda lill-Gvern bi spazju sabiex iwieġeb għax-xokk tal-koronavirus, mingħajr ma jipperikola is-sostenibbiltà tad-dejn. Ladarba l-effetti tal-pandemija jonqsu, DBRS tistenna li l-proporzjon tad-dejn pubbliku jerġa' jibda jaqa' filwaqt li jibqa' wieħed mill-inqas fl-Unjoni Ewropea.

 

Malta wkoll mistennija tkompli tirreġistra surpluses fil-kont kurrenti fis-snin li ġejjin u żżomm il-pożizzjoni pożittiva tagħha fil-kummerċ estern.

 

DBRS tirrikonoxxi s-serje ta' riformi adottati mill-Gvern b'reazzjoni għall-MONEYVAL u r-rapport tal-Kummissjoni ta' Venezja filwaqt li tħeġġeġ lill-Gvern ikompli jaħdem fuq miżuri f'dan ir-rigward.

 

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna jikkummenta: “Bi pjaċir ninnota li DBRS, bħall-aġenziji l-oħra ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, qed tirrikonoxxi li l-prestazzjoni ekonomika u fiskali b'saħħitha ta' pajjiżna esibita f'dawn l-aħħar snin, ħalliet il-pajjiż f'qagħda relattivament tajba u preparata sabiex itaffi mill-impatt tal-pandemija filwaqt li jiġi żgurat irkupru mgħaġġel. Dan bis-saħħa tal-politika soda u prudenti tal-Gvern. Il-Gvern ser ikompli jimxi f'din it-triq ta' suċċess."

​