Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201444

PR201444

28/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Spettaklu mill-aqwa u mlewwen fis-smewwiet Maltin

Nhar it-Tnejn, 27 ta’ Lulju, is-smewwiet Maltin ingħataw dehra kulurita mill-aqwa minn spettaklu ma jaqta’ xejn ta’ xogħol pirotekniku Malti u barrani f’waqtiet minnhom sinkronizzat mal-mużika. Il-post magħżul biex minnu jittella’ l-ispettaklu, il-bypass tal-Imqabba, huwa mill-aktar ideali peress li l-għadd kbir ta’ nies li attendew setgħu jinfirxu tul il-medda twila tat-triq, apparti li seta’ jkun segwit ukoll minn postijiet strateġiċi fil-bypass taż-Żurrieq u postijiet oħrajn fl-irħula tal-madwar. L-attendenza għal dan it-tieni jum tad-19-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar kienet prova mill-aktar ċara ta’ kemm huwa mistenni dan l-avveniment annwali. Il-festival huwa organizzat mill-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

F’diskors li għamlet għal din l-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ddeskriviet il-logħob tan-nar u dak kollu assoċjat mal-festi bħala niċċa partikolari fejn jirrigwarda t-turiżmu, “li għandna nkattru ħarsitna fuqha biex nibqgħu mexjin ’il quddiem wara l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi li ġabet magħha. Dan waqt li nkomplu nagħtu l-importanza mistħoqqa lit-tradizzjonijiet kulturali tal-ibliet u tal-irħula tagħna u lis-sehem kbir li jikkontribwixxu lejhom il-festi. Din hija okkażjoni oħra li fiha spikka t-talent Malti, il-kapaċità u d-dedikazzjoni tal-pirotekniċi Maltin li mhux ta’ b’xejn huma kkunsidrati bħala professjonisti fuq livell internazzjonali f’dan il-qasam”.

Fis-sessjoni tat-Tnejn li għadda, fuq livell kompetittiv, ipparteċipaw il-Post tan-Nar Sant’Andrija, Ħal Saflini, ta’ Ħal Luqa u Phoenix Factory mir-Renju Unit. Is-sehem kompetittiv kien akkumpanjat minn wirjiet tradizzjonali ta’ logħob tan-nar minn 14-il kamra tan-nar u assoċjazzjonijiet lokali. Dawn kienu l-Kamra tan-Nar Lourdes tal-Qrendi; il-Kamra tan-Nar Santa Marija, Mqabba; il-Kamra tan-Nar San Bastjan, Ħal Qormi; il-Kamra tan-Nar Santa Marija, Mosta; il-Kamra tan-Nar San Filep, Ħaż-Żebbuġ; il-Kamra tan-Nar Monte Karmeli, Żurrieq; Kumpless tan-Nar Santa Marija, Mġarr; Għaqda tan-Nar Maria Bambina, Mellieħa; Kamra tan-Nar San Nikola, Siġġiewi; Kamra tan-Nar San Mikiel, Ħal Lija; Kamra tan-Nar Santa Katerina, Żurrieq; Kummissjoni tan-Nar fi ħdan l-Għaqda Mużikali Beland Żejtun; Kummissjoni Piroteknika Sta. Katerina VM fi ħdan Banda Żejtun, Żejtun u Kamra tan-Nar Santa Marija, Ħal Għaxaq.

Id-19-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tan-Nar ingħata bidu għalih nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Lulju, mix-Xagħra Għawdex, fejn fuq livell kompeti​ttiv ipparteċipaw tliet kumplessi barranin, dak Svizzeru La Pirotecnica Sagl; CSP Pyrotechnique ta’ Franza u l-kumpless Taljan Polleggi Pyrotecnics b’akkumpanjament minn sitt kmamar u assoċjazzjonijiet tan-nar Għawdxin, Għaqda Għoxrin ta’ Lulju, Sannat; Għaqda tan-Nar Santa Marija, Żebbuġ; Għaqda tan-Nar Fontana; Qalb ta’ Ġesu Fontana Brothers Fireworks Factory, Fontana; Ħmistax ta’ Awwissu Fireworks Factory, Sannat u Sezzjoni Nar San Pawl, Munxar.

Il-festival ikompli b’wirja kompetittiva oħra u bis-sehem ta’ aktar kmamar tan-nar Maltin, l-Erbgħa, 29 tax-xahar, fl-Imqabba, bil-gran finale jsir il-Ġimgħa, 7 ta’ Awwissu fil-Port il-Kbir.

Il-parteċipazzjoni  barranija fuq livell kompetittiv tikkonsisti minn sitt kumplessi tan-nar li ġejjin mir-Renju Unit, l-Iżvizzera, l-Italja (tnejn), Franza u l-Ukrajna. Il-parteċipazzjoni lokali f’dan il-livell huwa l-Post tan-Nar Sant’Andrija, Ħal Saflini, Ħal Luqa.