Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201459

PR201459

29/07/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA, U L-GOVERNANZA Jum storiku għas-saltna tad-dritt u d-demokrazija f’pajjiżna

Illejla l-Kamra tad-Deputati approvat b'vot ta' żewġ terzi riformi kostituzzjonali u istituzzjonali storiċi li l-Gvern Malti, mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, ressaq 'il quddiem bil-għan li jkompli jsaħħaħ l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika.

 

Il-liġijiet huma s-segwenti:

 

  1. ATT sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta' Malta relattivi għall-ħatra tal-President ta' Malta.
  2. ATT sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta' Malta relattivi għall-ħatriet ta' Imħallfin u Maġistrati.
  3. ATT sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta' Malta u l-Att dwar Kummisjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, Kap. 369, relattivi għat-tneħħija mill-karigi ta' Imħallfin u Maġistrati
  4. ATT sabiex ikompli jimplimenta riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja billi jipprovdi għall-istħarriġ ġudizzjarju ta' deċiżjonijiet oħra tal-Avukat Ġenerali
  5. ATT sabiex jemenda l-liġijiet li jirregolaw l-Uffiċju tal-Ombudsman.
  6. Għadda wkoll b'unanimità l-Abbozz ta' Liġi li jittratta emendi għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.

Dawn l-emendi se  jwasslu fost oħrajn għal mod ġdid ta' kif jinħatar il-President tar-Repubblika; għall-mod kif jinħatru u jitneħħew il-membri tal-Ġudikatura; għat-tisħiħ fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, fejn dan l-irwol issa se jitnaqqax fil-Kostituzzjoni; u għal provediment ta' stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

 

Dan huwa frott ta' djalogu strutturat li nbeda mal- Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza, Edward Zammit Lewis, bħala waħda mill-ewwel inizjattivi tal-Amministrazzjoni Robert Abela.

 

Dan id-djalogu strutturat mal-Kummissjoni Venezja, wassal biex f'Ġunju tal-2020, l-istess Kummissjoni tat rapport eċċellenti lill-Gvern Malti. Fl-istess waqt dawn l-isforzi tal-Gvern Malti ġew rikonoxxuti mill-Kunsill Ewropew, mill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja u l-Intern u saħansitra mill-President tal-Kummissjoni Ewropea.

 

Il-Gvern beda minnufih proċess leġiżlattiv fil-Kamra tad-Deputati, u proċess ta' djalogu ankè mal-Oppożizzjoni li wassal għall-qbil fuq dawn l-Abbozzi ta' Liġi. Dan bis-saħħa tal-Prim Ministru Robert Abela u kif ukoll bil-koperazzjoni u s-sens komun li wera l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u d-deputat Chris Said.

 

Dan kollu se jwassal biex pajjiżna jikseb kredibilità kbira f'fora Ewropej u internazzjonali bħala nazzjon. Malta huwa nazzjon fejn tirrenja d-demokrazija effettiva u fejn hemm rispett sħiħ lejn is-saltna tad-dritt, u l-governanza t-tajba f'pajjiżna​.