Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201036

PR201036

01/06/2020

​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: Bosta stabbilimenti Għawdxin jirrapurtaw li kellhom aktar minn 90% okkupanza fi tmiem il-ġimgħa



Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ilbieraħ żaru numru ta’ stabbilimenti tal-ikel u oħrajn tal-akkomodazzjoni. Dan kien tmiem il-ġimgħa li rriżulta tajjeb ħafna għall-gżira Għawdxija. Minn mindu ġew rilaxxati numru ta’ miżuri, partikolarment fl-istabbilimenti tal-ikel, jidher li t-turiżmu intern qabad ġmielu, u f’Għawdex ġie rrapurtat li hemm bosta stabbilimenti tal-akkomodazzjoni li qabżu 90% u aktar tal-okkupanza tagħhom, u numru tajjeb ta’ ristoranti li kellhom ġimgħa tajba, partikolarment lejn l-aħħar tal-ġimgħa fejn ħafna minnhom kellhom medja ta’ bejn 90 u 100 klijent kuljum skont l-Assocjazzjoni ghat-Turiżmu Għawdxija. Figuri li jawguraw tajjeb ħafna għas-suq turistiku intern fejn is-sena l-oħra biss, statistika tikkonferma li kien hemm mal-280,000 Malti li qasmu lejn Għawdex biex gawdew il-vaganzi tagħhom.

Il-Ministru ghat-Turizmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli kellha kliem ta’ tifħir hekk kif ir-ristoranti u l-farmhouses f’Għawdex kienu mimlija tul dawn il-jiem. Sostniet kif il-Gvern mal-ewwel kellu strateġija ċara ta’ fejn irridu naslu. “Għidna mal-ewwel li se jkollna sajf u bdejna bit-turiżmu intern”, sostniet il-Ministru Farrugia Portelli. Dan hu kruċjali sabiex nerġgħu nistartjaw il-magni ekonomiċi f’pajjiżna b’mod sigur.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li huwa ta’ pjaċir li qegħdin naraw li t-turiżmu intern f’Għawdex qed jirranka u anki mill-figuri tal-Gozo Channel qed jidher b’mod ċar kif kemm il-passiġġieri bil-vetturi u passiġġieri bil-pass qed jiżdiedu. Il-ministru żied jgħid li min-naħa tar-residenzi self-catering bħalma huma l-farmhouses f’Għawdex, jidher li qed ikun hemm okkupanza tajba u ħafna Maltin qed jagħżlu li jagħmlu l-vaganza taghhom f’Għawdex mhux għax m’hemmx għażla, iżda b’konvinzjoni.

Il-President tal-Gozo Tourism Association is-Sur Joe Muscat esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li fi tmiem il-ġimgħa li għadda, bħala settur turistiku f’Għawdex, partikolarment fl-akkomodazzjoni, kienu numru kbir ta stabbilimenti li rrapurtaw li kellhom aktar minn 90% tal-okkupanza fl-istabbilimenti tagħhom. Żied jgħid li dan jikkonferma l-importanza tas-suq domestiku għall-gżira Għawdxija u fakkar kif dan l-istess suq minn dejjem kien popolari mal-Maltin b’mod partikolari għall-akkoljenza li jafu jagħtu l-Ghawdxin. Is-Sur Muscat saħaq kif l-Għawdxin dejjem ħarsu lejn il-Malti bħala l-aqwa turist.