Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201042

PR201042

02/06/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Il-Ministru Julia Farrugia Portelli żżur xogħlijiet ta’ titjib f’Dar il-Mediterran li qed tlesti biex tilqa’ mill-ġdid lit-turisti

​​Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fejn fl-aħħar ġimgħat saru xogħlijiet ta’ titjib f’din il-binja storika.​

Kien spjegat li t-tmexxija amministrattiva taċ-ċentru flimkien mal-impjegati ħadu din l-opportunità biex l-isfida iebsa li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19 tiddawwar f’opportunità fejn isiru diversi xogħlijiet ta’ manutenzjoni importanti li kien ikun impossibbli li jsir mingħajr ma jieqaf l-operat taċ-ċentru.
 
Fost ix-xogħlijiet li qed isiru mill-ħaddiema hemm dawk fuq l-aperturi tal-injam fil-livell tat-triq li ddeterjoraw tul is-snin kif ukoll it-travertin li jinsab imkisser li hemm fis-sala Sacra Infermeria. Sar ukoll xogħol strutturali u fis-sistema tal-elettriku fis-sala fejn ser tospita l-ologramma ta’ La Vallette, u li tali xogħol sar ukoll mill-impjegati tal-istess ċentru.
 
Inħadmu tilari tal-ħadid iggalvanizzat fuq il-bjut u dan sabiex l-ilma tax-xita jkun jista’ jxaqleb lejn l-imwieżeb eżistenti mingħajr xkiel, kif ukoll saret manutenzjoni fuq il-bjut kollha.
 
Ġew armati zewġ pantries qrib is-swali biex il-catering waqt il-konferenzi jkun jista’ jiġi servut b’mod aktar effiċjenti.  Ġie identifikat u rranġat post ġdid biex l-iskart ikun separat u miżmum f’żoni li jkunu ta’ inqas inkonvenjent.
 
Sar ukoll xogħol fuq travi tal-injam u x-xorok li hemm f’uħud mill-uffiċini. Inbidlu wkoll numru konsiderevoli ta’ gradi tal-ħadid li jikkontrollaw l-aċċess intern minn żona għal oħra.
 
Fis-sala Repubblika saret manutenzjoni estensiva tal-proscenium arch u ġiet miżbugħa mill-ġdid id-dawra tal-palk u giet mibdula wkoll il-medda ewlenija tad-drenaġġ li tgħaddi minn taħt il-palk prinċipali.
 
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli rrimarkat b’sodisfazzjon li dan it-titjib f’din il-binja storika li llum saret attrazzjoni turistika, se tirriżulta f’esperjenza ferm iżjed aħjar u attraenti għal dawk li se jerġgħu jibdew iżuru pajjiżna. Hija faħħret ix-xogħlijiet estensivi li saru u tħares ’il quddiem biex it-turist igawdi minn prodott aħjar anki mal-inawgurazzjoni tal-mużew virtwali b’teknoloġija avvanzata. Saħqet ukoll dwar l-importanza li Dar il-Mediterran għall-Konferenzi jrid ikollha fiż-żmien ta’ rkupru wara l-Covid-19, hekk kif se jkun kruċjali li pajjiżna jaqbad it-triq anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ turiżmu relatat mal-konferenzi.
 
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran Pierre Fenech stqarr li dan ix-xogħol kollu ser jirriżulta f’aktar effiċjenza fl-operat. Huwa saħaq li dan kien żmien opportun biex wieħed jinvesti sabiex mal-ftuħ mill-ġdid, il-prodott offrut ikun superjuri għal li kien offrut qabel. “Ninsabu lesti biex inservu eluf ta’ Maltin u turisti li ser jżuru dan il-ġojjell fix-xhur u s-snin li ġejjin,” qal is-Sur Fenech.
 
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, is-Sur Ronald Mizzi.