Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201057

PR201057

04/06/2020

​​ STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Jitnedew aktar servizzi governattivi aċċessibbli mill-mobile – total ta' 1,200 servizz


Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar ħabbar it-tnedija ta' aktar servizzi governattivi aċċessibbli minn fuq il-mobile, biex issa dawn ilaħħqu għal mill-inqas 1,200. Dan huwa r-raba' pakkett ta' servizzi governattivi li l-klijent jista' jaċċessa mill-mobile, biex b'hekk qed ikompli jissaħħaħ il-kunċett ta' servizzi disponibbli 24 siegħa kuljum, is-sena kollha u minn kullimkien.  Dan seta' jkun possibbli permezz ta' investiment bla preċedent ta' 150 miljun ewro f'ħames snin fit-teknoloġija.

 

F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Sur Cutajar qal li s-servizzi f'dan ir-raba' pakkett – miġburin bħal ta' qabilhom fil-mobile app bl-isem 'Maltapps' – jiffokaw l-aktar fuq l-oqsma tal-enerġija, in-negozji u l-ġustizzja. Is-servizzi jinkludu l-Energy Efficiency Website, fejn wieħed jista' jieħu pariri kif inaqqas il-konsum tad-dawl u l-ilma f'daru; id-Drivers' Licence Portal, biex sewwieqa prospettivi japplikaw għall-permess tat-tagħlim u l-eżami tas-sewqan; ERA Customer Care; BusinessEnhance.mt; Malta Trade Licences Portal; Legislation MT; l-Arkivji Notarili u r-Reġistru tal-Avukati.

 

Minbarra dawn is-servizzi ġodda, komplew jiġu mirquma u mtejba servizzi li kienu diġà aċċessibbli minn Maltapps. Fil-fatt, kien hemm titjib fi ħdax-il mService u tliet siti kompatibbli, fosthom dawk tal-Lifelong Learning, BiedjaInfo u BiedjaCam, Benefit Calculator, Clean & Upkeep, VisitMalta+, myGozo, PlanningMT, 112mt u ARMS. Is-Servizz Pubbliku ħaseb ukoll fil-klijenti interni tiegħu, jiġifieri l-uffiċjali pubbliċi, li sarilhom titjib fl-app li nħolqot speċifikament għalihom – MyPersonalKiosk.

 

Is-Sur Cutajar qal li dan kollu seta' jitwettaq grazzi għall-investiment qawwi u bla preċedent li s-Servizz Pubbliku għamel fit-teknoloġija f'dawn l-aħħar ħames snin. Dan l-investiment ilaħħaq għal madwar €110 miljun jekk wieħed iqis il-proġetti f'kull ministeru, filwaqt li jekk wieħed jgħodd ukoll il-proġett Converge – li jgħaqqad il-proċess biex id-data timxi minn dipartiment għal ieħor – l-investiment jaqbeż il-€150 miljun.

 

Permezz ta' dan kollu, qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni, qiegħed dejjem jitnaqqas l-iskariġġ għaċ-ċittadini li jkollhom bżonn servizzi governattivi u li qabel kien ikollhom imorru fiżikament minn dipartiment għal ieħor biex jinqdew. Din hija parti oħra minn strateġija ħolistika mfassla biex is-Servizz Pubbliku jkun dejjem eqreb tan-nies u joffri servizz ta' eċċellenza.

 

Is-Sur Cutajar fakkar li, għal dawk li xorta waħda jippreferu servizz wiċċ imb wiċċ, twaqqfu l-hubs ta' servizz.gov fil-qalba tal-komunità, li mistennija jittriplaw fiż-żmien li ġej. Hemm ukoll is-servizz telefoniku tal-freephone 153, fejn f'dawn l-aħħar xahrejn biss twieġbu 'l fuq minn 180,000 telefonata, li kien rekord assolut.  Qabża kemm ta' kwantità – 153 beda b'2500 telefonata fix-xahar – u li tixhed qabża ta' kwalità tas-servizz mogħti.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żied jgħid li s-Servizz Pubbliku kien l-uniku mutur fis-soċjetà li baqa' għaddej fiċ-ċirkostanzi straordinarji li l-pajjiż sab ruħu fihom fix-xhur li għaddew. Is-Servizz Pubbliku dejjem kien fuq quddiem nett biex joffri bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, fost oħrajn permezz tat-teleworking u r-remote working, li tqiegħed fil-prattika f'dawn l-aħħar xhur aktar minn qatt qabel. Bħalissa qed issir analiżi ta' dak li jonqos li jsir biex fiż-żmien li ġej ikomplu jissaħħu l-istrutturi tar-remote working fis-Servizz Pubbliku biex jinħolqu bilanċi ġodda bejn il-ħajja u x-xogħol, filwaqt li s-servizz mogħti lill-klijenti mhux talli ma jbatix, talli jilħaqq il-livell ta' Servizz Pubbliku brillanti.​