gov.mt

pr201068

PR201068

05/06/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Investiment ta’ €90,000 biex titkompla riċerka fuq sit popolari mal-għaddasa li n-nies se jkunu jistgħu jżuruh ukoll virtwalment

​​​

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ġeddet għal sena oħra appoġġ li issa jlaħħaq id-€90,000 sabiex id-Dipartiment tal-Istudji Klassiċi u l-Arkeoloġija jkompli l-proġett ta' riċerka fuq il-fdalijiet ta' bastiment arkajku ta' 2,700 sena ilu li jinsabu mgħerrqa ftit 'il barra mill-bajja tax-Xlendi f'Għawdex.

 

Fi żjara fid-Dipartiment, il-Ministru Julia Farrugia Portelli kellha ċ-ċans tara uħud mill-oġġetti magħmulin fil-ġebel u ċ-ċeramika li ttellgħu mis-sit. Rat ukoll mill-qrib il-proċess ta' analizzar ta' dawn l-iskoperti.

 

Id-direttur tal-proġett il-Professur Timmy Gambin spjega li l-proġett kien inbeda fl-2007 meta kien instab dan ix-xini f'fond ta' 110 metri, waqt stħarriġ dwar il-wirt kulturali li hemm midfun f'qiegħ il-baħar. Minn dakinhar sal-lum it-tim tal-proġett skava s-sit u studja fid-dettall waħda mill-iżjed skoperti interessanti riċenti.

 

Il-finanzjament mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu wassal ukoll biex inħolqot pjattaforma diġitali online b'kollaborazzjoni ma' Google Arts & Culture li se twassal biex nies minn madwar id-dinja jkunu jistgħu jaraw dan is-sit permezz ta' virtual reality.

 

Il-Professur Gambin tenna li n-natura diversa ta' dawn il-fdalijiet kif ukoll iż-żmien tagħhom jagħmluhom riżorsi arkeoloġiku uniku u prezzjuż, fejn fi kliemu l-iskoperti misjuba jitfgħu dawl fuq l-istorja ekonomika u l-konnessjonijiet kummerċjali f'nofs il-Mediterran fiż-żmien Arkajku.

 

Il-Ministru Farrugia Portelli rrimarkat li dan il-proġett se jkun il-qafas li se jwassal biex pajjiżna joffri prodott turistiku ġdid u niċċa turistika li pajjiżna għandu bżonn jattira lejh.

 

“Irridu naħdmu biex permezz ta' dan il-proġett u inizjattivi oħrajn naħdmu bis-sħiħ sabiex nippromwovu lil pajjiżna bħala destinazzjoni kemm għal għadds kif ukoll għal post fejn hemm uħud mill-iżjed sejbiet arkeoloġici imprezzabbli fid-dinja," sostniet Julia Farrugia Portelli.

 

Ir-riżorsi provuduti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed jintużaw ukoll biex fost oħrajn biex isir ġbid taħt il-baħar, appoġġ għall-għaddasa, restawr, studji u testijiet oħra.

 

Dan filwaqt li qed issir kampanja qawwija dwar l-għadds u l-istorja sabiex jippromwovu din l-industrija bħala niċċa oħra ta' turiżmu lejn pajjiżna.

Id-Direttur tal-Iżvilupp tal-Prodott fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu l-Perit Kevin Fsadni qal li dan il-proġett huwa investiment fil-prodott tal-futur iżda hemm il-potenzjal ta' ritorn immedjat hekk kif it-turist prospettiv jista' jesperjenza dan il-proġett minn issa.

 

Preżenti kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, ir-Rettur tal-Università ta' Malta l-Professur Alfred Vella u l-Kap tad-Dipartiment tal-Istudji Klassici Dr Inġ. John Charles Betts.