Tliet ristoranti Maltin illum ġew ippreżentati bil-plakka tal-Award prestiġjuż tal-Michelin. Ir-rebbieħa huma: De Mondion fl-Imdina, u Noni u Under Grain, li jinsabu fil-Belt Valletta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret kull wieħed minn dawn ir-ristoranti, akkumpanjata miċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia u d-Deputat Kap Eżekuttiv tal-MTA u l-Kap Uffiċjal tal-Marketing Carlo Micallef, u ppreżentaw il-plakki lill-Chefs Kevin Bonello, Jonathan Brincat u Victor Borg.
L-ewwel 'Malta Michelin Guide' li ġie ppubblikat aktar kmieni din is-sena jenfasizza r-ristoranti eċċellenti, il-firxa sħiħa ta' stili u l-ħiliet kulinari li jinsabu f'Malta, Għawdex u Kemmuna. Stabbilit lejn tmiem is-seklu 19, Michelin żamm il-punt ta' riferiment tiegħu ta' ikel internazzjonali għal aktar minn 120 sena, u għaraf uħud mill-ikbar kċejjen fid-dinja.
Il-Ministru Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li Malta kisbet tliet Awards tal-Michelin għall-ewwel darba. Hija qalet li din hija opportunità li tgħolli l-livell tal-esperjenza kulinarja li turist jagħmel f'pajjiżna. Żiedet tgħid li dan huwa punt importanti għall-industrija tat-turiżmu li turi l-kċina u l-prodotti mill-ifjen tagħna.
Iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Dr Gavin Gulia, żied jgħid: “Din l-okkażjoni hija waħda speċjali għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett, hija opportunità biex tippreżenta din iċ-ċertifikazzjoni internazzjonali ta' eċċellenza lil tliet stabbilimenti, li qed jirrappreżentaw l-avvanzi miksuba mix-xena gastronomika lokali f'dawn l-aħħar snin. It-tieni, huwa partikolarment sinifikanti li dan qed iseħħ f'dan il-mument partikolari meta s-settur tagħna finalment qed jiftaħ mill-ġdid. Wara r-rilaxx tar-restrizzjonijiet tal-Covid, il-feedback huwa pożittiv, u huwa ċar li n-nies huma ħerqana li jirritornaw fuq il-mejda tal-ikel flimkien mal-familja u l-ħbieb. M'hemm xejn daqs ikla tajba biex tiċċelebra r-ritorn għan-normalità," temm jgħid Dr Gulia.
L-Award Michelin jingħata wara proċess rigoruż minn spetturi tal-Michelin. Dawn iżuru r-ristoranti, jippuzaw bhala klijenti, jieklu fir-ristorant u wara jaghtu l-punti taghhom skont l-esperjenza f'dak il-post partikolari. Huma jikkonċentraw fuq il-kwalità, it-teknika, il-personalità tal-kok, il-valur tal-ikel u l-konsistenza. Il-Gwida Michelin ilu attiv mill-bidu tas-snin 1900.
Biex tara l-għażla sħiħa ta' ristoranti msemmija fil- Malta Michelin Guide tista' żżur:
http://guide.michelin.com