Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201105

PR201105

11/06/2020

​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Cinema City: wirjiet ta' films fil-miftuħ u bla ħlas fil-Belt Valletta

​Bejn il-25 u t-28 ta' Ġunju, lejliet l-Imnarja, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkun qed torganizza erba' serati li waqthom se jintwerew films fil-miftuħ, fl-ispazju aħdar ta' Ġnien Laparelli fil-Belt Valletta li jinsab taħt id-dħul ewlieni tal-Belt, u li kien inawgurat fl-2018 fis-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dawn il-wirjiet ta' films huma adattati għall-familja kollha u d-dħul huwa bla ħlas għal kulħadd.

 

Il-films li se jkunu qed jintwerew huma Jurassic World (il-Ħamis 25 ta' Ġunju), World War Z (il-Ġimgħa 26 ta' Ġunju), The Greatest Showman (is-Sibt 27 ta' Ġunju), 13 Hours: The Secret Soldiers of Benghazi u Captain Phillips (il-Ħadd 28 ta' Ġunju). Il-films jibdew fit-8pm, u fil-każ tal-Ħadd, it-tieni film jibda fl-10.15pm. World War Z, 13 Hours: The Secret Soldiers of Benghazi u Captain Phillips huma kollha films li jinkludu xeni li ġew maħduma f'pajjiżna u fit-toroq tal-Belt Valletta, u għalhekk għandhom rabta speċjali mal-kapitali tagħna.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal li “permezz tal-ħolqien ta' attivitajiet ta' din ix-xorta, se nkunu qed nerġgħu nagħtu spinta lill-ħajja kulturali u ekonomika fil-belt kapitali Maltija, li ntlaqtet b'mod negattiv minħabba l-pandemija tal-Covid-19".

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li permezz ta' din l-attività fil-miftuħ qed tinħoloq opportunità għall-familji li jgawdu dawn il-films mill-isbaħ u li juru lil pajjiżna bħala destinazzjoni ta' films kbar. Dan filwaqt li qed isir f'waħda mill-iżjed spazji miftuħin b'xenarju mill-isbaħ. “Wegħdna li se jkollna sajf u dan hu dak li qed jiġri. Bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Maltija għall-Films se nuru films li anke uħud minnhom anka lqajniehom f'pajjiżna biex jiġu ffilmjati. Ċertament se tkun esperjenza sabiħa ferm għal dawk kolla li se jagħżlu li jiġu l-Belt fl-aħħar weekend ta' Ġunju, għax se jkunu jistgħu japprezzaw is-sbuħija tal-Belt mhux biss fi Ġnien Laparelli iżda anke f'dawk l-akwati li fihom diversi diretturi għażlu li jiġbdu x-xeni tagħhom."

 

Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li “Dan huwa wieħed minn sensiela twila ta' attivitajiet kulturali u soċjali fil-Belt Valletta għal Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru". Tenna li “l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħejjiet programm kulturali kbir biex il-Belt Valletta terġa' tara mill-ġdid riġenerazzjoni ekonomika, kulturali u soċjali".

 

Id-dħul ewlieni għal Cinema City fi Ġnien Laparelli huwa permezz tat-taraġ u tal-lift li jinsabu ħdejn il-bini tal-Parlament. Dawk li ġejjin bil-karozza jistgħu jipparkjaw fil-foss ta' San Ġakbu u Ġnien Laparelli, li d-dħul għalih hu minn Triq l-Assedju l-Kbir. Id-dħul huwa bla ħlas, madanakollu se jkun hemm numru limitat ta' siġġijiet. Għalhekk, dawk li jixtiequ jattendu għandhom jiksbu biljett mill-uffiċċju tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-Ministeru għat-Turiżmu jew il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Biljetti se jkunu disponibbli fuq bażi 'first come, first served'.

 

Matul l-istess ġranet se jkun hemm ukoll sfilata ta' kostumi artistiċi fit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta, bejn is-6pm u t-8pm. Il-pubbliku huwa mistieden li jżur it-toroq tal-Belt qabel ma jattendi għall-wirjiet tal-films fi Ġnien Laparelli, sabiex jammira dawn il-kostumi kkuluriti.

 

Għal aktar informazzjoni, żur u segwi l-paġna ta' Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.​