Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201106

PR201106

11/06/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, L-ISPORT U L-VOLONTARJAT: L-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur tal-volontarjat

​L-għaqdiet volontarji reġistrati f’Malta u f’Għawdex se jgawdu minn allokazzjoni ta’ €3 miljun bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-gvern din il-ġimgħa. Dan kien spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Edward Scicluna u mis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.​

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li f’dan il-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, barra l-familji u n-negozji, il-gvern ħaseb ukoll f’partijiet oħra tas-soċjetà bħalma huma l-għaqdiet volontarji sabiex jagħmlilhom kuraġġ u jibqgħu joperaw. Il-ministru qal li l-gvern mhux qed jagħti kuraġġ bil-kliem biss, iżda bi pjan imfassal sabiex l-ekonomijia terġa’ tqum fuq saqajha. 

Il-Ministru Scicluna qal, “F’pajjiżna l-għaqdiet volontarji huma ta’ kull tip. Huma l-mod ta’ kif permezz tad-diversi inizjattivi li huma jieħdu, jagħtu kontribut lis-soċjetà Maltija. Illum il-ġurnata għandna diversi għaqdiet li jimpjegaw magħhom nies speċjalizzati f’diversi oqsma, xogħol li jikkumplimenta dak li qed jagħmel il-gvern fis-settur soċjali. B’hekk l-ispiża rikurrenti tagħhom hija konsiderevoli. Għalhekk, huwa ta’ pjaċir tiegħi li qed nalloka s-somma ta’ €3 miljun sabiex ngħinu lil dawk l-għaqdiet li jħaddmu magħhom persuni full-time u anke dawk part-time, li jkun l-impjieg primarju tagħhom.”

Il-Ministru Scicluna żied li l-gvern se jara li jibqa’ konsistenti mal-kriterji kollha tal-Malta Enterprise, li f’dan il-każ se jiġu applikati wkoll għal dan is-settur. Spjega li dan il-fond huwa ta’ darba u huwa speċifikament relatat mal-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19. Dan il-fond se jkopri wkoll spejjeż anċillari li jħallsu dawn l-għaqdiet. 

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dan huwa l-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur tal-volontarjat. Spjega li l-volontarjat jagħmel xogħol imprezzabbli f’ħafna oqsma u allura dawn huma flus li se jintefqu fis-soċjetà tagħna.

“Dan il-fond se jassigura l-eżistenza ta’ dawn l-għaqdiet u jagħti nifs ta’ ħajja lil dawn l-għaqdiet li jagħmlu xogħol imprezzabbli, xogħol li ġie affettwat negattiv li llimita kif joperaw u jiġġeneraw id-dħul tagħhom l-għaqdiet,” qal is-segretarju parlamentari.

Qal ukoll li d-dmir tal-gvern huwa li l-isfidi li jaffaċċjaw dawn l-għaqdiet, jibdilhom f’opportunitajiet.

Iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Volontarjat Dr Noel Camilleri qal li t-talba tas-settur intlaqgħet mill-gvern u issa se jassiguraw li dawn il-fondi jitqassmu b’mod ġust. Dan fost l-oħrajn billi jkun hemm sezzjoni ta’ informazzjoni biex meta l-għaqdiet japplikaw għal xi fondi, dawn ikunu disponibbli fi żmien raġonevoli. Appella biex is-settur jibqa’ magħqud u jkompli jissaħħaħ u jingħata r-rikonoxximent li jistħoqqlu.

Dan il-fond se jkun amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u l-għaqdiet volontarji se jkunu jistgħu japplikaw għal dan il-fond permezz tal-VO Funding Portal fil-jiem li ġejjin.​