Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201111

PR201111

12/06/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Xogħlijiet ta’ titjib f’Wied Garnaw f’Santa Luċija

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru Wied Garnaw fil-limiti ta' Santa Luċija, fejn fl-aħħar ġimgħat saru bosta xogħlijiet ta' titjib minn Parks Malta b'investiment ta' €115,000.

 

Wied Garnaw huwa wieħed minn sensiela ta' widien li se jingħataw dehra ġdida. Dawn huma Wied Għomor (Swieqi/San Ġwann), Wied tal-Fiddien (Rabat), Wied ir-Rum (Dingli) u Wied tal-Ġnejna (Mġarr), b'investiment totali ta' €330,000.

 

Ix-xogħlijiet iffukaw fuq it-tneħħija ta' 1,000 metru kubu ta' materjal li nġema' fil-kanali. Dan kien qiegħed jikkawża għargħar u telf ta' ħamrija mill-għelieqi fil-viċinanzi.

 

Parks Malta raw ukoll li jirrestawraw mat-300 metru ta' ħitan għal kif kienu oriġinarjament billi neħħew xi blokki tal-konkos. Irrestawraw ukoll selħiet ta' ġebel tas-sejjieħ li nstabu fuq il-post filwaqt li kkonsolidaw il-ħitan bil-ġebla tal-franka. Tnaddfu wkoll il-kanali u culverts li hemm taħt it-Trejqa ta' Garnaw.

 

Tneħħew ukoll diversi speċi invażivi bħas-siġar tar-rignu filwaqt li siġar indiġeni bħas-siġra taż-Żebbuġ eżistenti fil-kanal tħallew fil-wied.

 

Matul iż-żjara tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli saħqet fuq l-importanza li jitħarsu l-widien u ż-żoni rurali ta' pajjiżna.

 

Semmiet li bir-restawr ta' ħitan b'arkitettura sinonima mal-gżejjer Maltin u s-siġar indiġeni, in-nies ta' Santa Luċija u l-madwar jistgħu jgawdu wied mill-isbaħ sinonimu mal-identità Maltija.

 

Dawn ix-xogħlijiet saru b'finanzjament parzjali mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali - l-Ewropa tinvesti f'żoni rurali.

 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-importanza tal-iżvilupp ambjentali f'pajjiżna. Hu qal li dan hu eżempju dwar użu ta' fondi tal-Unjoni Ewropea li jintużaw bħala investiment fl-irħula hekk kif biex insebbħu l-lokalitajiet tagħna filwaqt li noffru kwalità ta' ħajja aħjar. Flimkien ma' fondi oħra li jinvestu fil-biedja, se nkunu qegħdin nimxu 'l quddiem biex insebbħu l-pajsaġġ ambjentali Maltija, filwaqt li nipprovdu aktar spazji miftuħa.

 

Min-naħa tiegħu, l-uffiċjal inkarigat mit-tmexxija tal-widien, is-Sur Alexander Borg Galea, saħaq li dawn ix-xogħlijiet f'Wied Garnaw jagħmlu parti minn katina ta' proġetti ta' manutenzjoni u rijabilitazzjoni ppanjati f'għadd ta' widien madwar Malta, inkluż Wied Għomor, Wied il-Fiddien, Wied ir-Rum u Wied tal-Ġnejna biex jitnaqqas it-telf ta' ħamrija mill-għelieqi u jiġu solvuti problemi ta' għargħar. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu restawr ta' infrastruttura b'miżuri li jikkumplimentaw il-pajsaġġ rurali u tħawwil ta' siġar u arbuxelli indeġini u tipiċi tal-widien.

 

Min-naħa tagħha, is-Sindku ta' Santa Luċija Charmaine St John irringrazzjat lill-ministeru u lil dawk kollha involuti biex dan il-proġett seta' jsir realtà wara erba' snin u li issa jistgħu jgawduh ir-residenti ta' Santa Luċija.

 

Preżenti kien hemm ukoll membri oħra mill-Kunsill Lokali, kif ukoll is-Sur Jonathan Scerri mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u s-Sur Ivan Farrugia f'isem Parks Malta.

​