Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201115

PR201115

12/06/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA: Emenda legali waħidha ma twassalna mkien

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza jilqa' – u jaqbel bis-sħiħ – mal-opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni għall-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa, kif ukoll is-sentenza Kostituzzjonali fl-isem Marie Therese Cuschieri vs. L-Avukat Ġenerali.

 

Fil-fatt, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar u l-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis ilhom f'diskussjonijiet mar-Reġistru Pubbliku, sabiex din l-anomalija tiġi indirizzata mill-iktar fis possibbli. Madanakollu, il-bidla neċessarja tmur ferm lil hinn minn emenda tal-Kapitli 55 u 56 tal-Liġijiet ta' Malta.

 

Dan għaliex is-sistema ta' riċerki tibbaża ruħha proprju fuq il-parentela tal-persuna, u mhux in-numru tal-Karta tal-Identità tagħha. Għaldaqstant, riċerka ta' persuna li kienet miżżewġa iktar minn darba, divorzjata jew separata, jew li biddlet kunjomha għal kwalsiasi raġuni, trid tiġi ordnata iktar minn darba, u ċioe ordnata fuq kull kunjom li qatt kellha persuna.

 

Dan hu neċessarju sabiex il-partijiet kollha involuti f'dak l-att pubbliku partikolari jkollhom serħan il-moħħ li mhu qed jinqabeż l-ebda dokument relevanti.

 

Il-Gvern jista' faċilment, għal skopijiet politiċi u populisti, jippreżenta emenda sabiex il-liġi ma tibqax tirrikjedi dawn id-dettalji tal-persuna. Madanakollu, ikun fl-istess ħin qiegħed iwassal għal nuqqas ta' kjarezza legali fl-atti pubbliċi, u possibbilment ineżattezzi u inklużjoni ta' noti żejda f'riċerki bla bżonn.

 

Flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli għar-Reġistru Pubbliku, dan il-Ministeru ser ikompli jaħdem lejn soluzzjoni ħolistika sabiex tinstab soluzzjoni teknika li toffri ċ-ċertezza legali neċessarja.

 

Jibqa' ċar illi l-anomaliji fir-rekwiżiti fuq atti pubbliċi jmorru ferm lil hinn minn sempliċi emenda leġiżlattiva li tneħħi rekwiżit jew ieħor minn fuq att pubbliku. Hija kwistjoni delikata li tirrigwarda ċ-ċertezza legali li hija s-sinsla tal-ordni ġuridiku ta' kull pajjiż li jħares lejn id-drittijiet taċ-ċittadini minn perspettiva kompleta, biex jissalvagwardja lis-soċjetà sħiħa mingħajr ebda diskriminazzjoni.

 

Intant, il-Ministeru qed jistieden lill-Oppożizzjoni għal laqgħa sabiex dan kollu jiġi diskuss f'aktar dettall fi spirtu li jkun hemm pjan ta' kif wieħed jimxi 'l quddiem.

 

Dan bil-għan li jinstab kunsens ladarba l-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jaqblu fuq il-prinċipju. ​