Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201132

PR201132

16/06/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Stedina mill-ġdid lill-Oppożizzjoni sabiex tinstab soluzzjoni konkreta

​​

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza, Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar jistiednu mill-ġdid lill-Oppożizzjoni biex tingħaqad magħhom fi proċess ta' konsultazzjoni, bl-għan li tiġi eliminata kull forma ta' diskriminazzjoni.

 

Il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari nnutaw li wara li ħarġu stqarrija l-ġimgħa li għaddiet in segwitu ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE), fejn huma stiednu lill-Oppożizzjoni sabiex jitkompla l-proċess ta' konsultazzjoni anke mal-istess Oppożizzjoni, biex titneħħa kwalunkwe diskriminazzjoni fil-mod ta' kif jitniżżlu d-dettalji fil-kuntrati fil-konfront tal-mara,  l-Oppożizzjoni qabdet u ressqet mozzjoni (Mozzjoni 375) mal-iskrivan tal-Kamra tad-Deputati fejn ressqet 'Private Member's Bill', dan sabiex temenda d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 55 tal-Liġijiet ta' Malta.

 

Il-Ministeru jisħaq li dan mhuwiex il-mod ta' kif għandhom isiru l-affarjiet, minħabba li sempliċi emenda fil-liġi m'hi se tkun qed tbiddel xejn. Il-Minsiteru nnota li hemm bżonn li jitkompla l-proċess ta' konsultazzjoni wiesa' li għaddej, anke id f'id mal-Oppożizzjoni, biex mhux sempliċiment tiġi emendata il-liġi, iżda naħdmu biex ikun hemm bidla fil-mentalità tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

 

Huwa b'hekk biss kif tista' tiġi eradikata kwalunkwe diskriminazzjoni fil-konfront tal-mara f'dan ir-rigward, minflok sempliċi emenda fil-liġi li m'hija ser twassal għal imkien.

 

​