Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201136

PR201136

16/06/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U L-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Investiment ta’ €20,000 fi proġett li jinvolvi miżuri ta’ kontroll u studji ta’ speċi invasiva ta’ crayfish

​​

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia żaru Wied il-Baħrija fir-Rabat, dan hekk kif dan il-wied flimkien ma' Wied Għajn Żejtuna fil-Mellieħa u Wied l-Isperanza fil-Mosta fihom speċi aljena ta' crayfish li invadiet partijiet minnhom u li potenzjalment qed tikkawża ħsara kbira lill-ekosistema ta' dawn il-widien kif ukoll qed ipoġġi f'periklu speċi indiġeni tal-ilma ħelu fosthom il-qabru.

 

B'investiment ta' €20,000 minn Parks Malta u b'kollaborazzjoni mal-Università ta' Malta u l-Awtorita' għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ġew installati numru ta' nases sabiex isir studju fuq dan l-ispeċi ta' crayfish invasiv u jiġi identifikat l-aħjar metodu ta' kontroll u l-impatt ambjentali li qed iħalli. Il-crayfish maqbuda se jkunu qed jintużaw bħala għalf għal numru ta' rettili.

 

Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet li bħala Ministeru għandna d-dover li nipproteġu l-ekosistemi fil-widien. Flimkien mal-entità li taqa' taħt il-Ministeru għat-Turiżmu, Parks Malta, qed isir dan l-investiment ta' €20,000 biex jiġu protetti speċi indiġeni u kemm jista' jkun inżommu l-widien tagħna fl-istat naturali tagħhom li huma karatteristika oħra tal-gżira tagħna li jistgħu jitgawdew mill-Maltin imma wkoll mit-turist.

 

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) flimkien ma' stakeholders oħra għandha diversi rwoli fosthom li tissalvagwardja l-ispeċi endemiċi u dawk protetti li nsibu fil-pajsaġġ Malti. “Biex dan isir, hemm bżonn li jitneħħew dawk l-ispeċi aljeni invażivi li ħafna drabi jkunu ta' theddida. Dan isir biex tiġi protetta l-ekosistema u biex uliedna jibqgħu igawdu l-flora u l-fawna ta' pajjiżna," qal il-Ministru.

 

Il-Professur Alan Deidun spjega kif l-awwista tal-ilma ħelu (red swamp crayfish bl-Ingliż) hija speċi aljena invażiva li ġejja minn artijiet 'il bogħod, fosthom mix-Xlokk tal-Istati Uniti. Hija speċi li ġiet introdotta mill-bniedem f'numru ta' widien f'Malta u Għawdex u qed tagħmel ħsara kbira lill-fawna lokali u indiġena. Infatti, din l-ispeċi m'għandhiex għedewwa naturali u tiekol il-bajd u ż-żgħar ta' ħafna speċi indiġeni tal-ilma ħelu, bħal qabru u ż-żrinġ. “Hemm bżonn aktar riċerka fuq din l-ispeċi biex nifhmu aħjar x'inhu l-impatt ekoloġiku tagħha u ta' mmaniġjar aħjar tal-popolazzjonijiet tagħha biex jittaffa l-impatt fuq l-ispeċi indiġeni", stqarr il-Prof. Deidun.

 

L-ufficjal inkarigat mill-valley management is-Sur Alexander Borg Galea spjega li bl-għajnuna tal-Earth Systems Association (ESA) dan il-moniteraġġ se jkun qiegħed jinforma lill-Valley Management u l-ERA fuq kemm hija effettiva l-metodoloġija użata għall-kontroll tal-crayfish u jiġi wkoll determinat jekk hemmx bżonn tibdil fil-metodoloġija.

 

Is-Sur Arnold Sciberras, konsulent xjentifiku, qal li n-nases li qed jitpoġġew f'dawn il-widien huma kollha minn studji piloti li ġew minn riċerka barra minn pajjiżna iżda li ġew addattati għall-ambjent Malti. Huwa qal li t-tip ta' nassa li tintuża u l-lixka li tintuża tkun għal tal-apposta biex kemm jista' jkun jinqabad il-crayfish biss u mhux xi speċi indiġena.

​​