Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201149

PR201149

17/06/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR VisitMalta Now: Ċelebrazzjoni tal-ftuħ mill-ġdid ta’ pajjiżna

Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nedew avveniment spettakolari li se jsir nhar l-1 ta' Lulju fl-okkażjoni tal-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport għal titjiriet kummerċjali.

 

Bl-isem ta' 'VisitMalta Now', din iċ-ċelebrazzjoni se tinvolvi l-parteċipazzjoni ta' 31 kamra tan-nar f'21 lokalità minn madwar Malta u Għawdex. Dawn se jkunu qed jaħdmu flimkien biex jippreżentaw spettaklu pirotekniku nazzjonali li se jgħaqqad flimkien it-tradizzjonijiet Maltin, il-wirt, il-kultura u r-rebħa li għamel pajjiżna.

 

Għal dan il-għan il-gżejjer Maltin se jinqasmu f'sitt żoni differenti, fejn kull żona se turi t-talent tal-kmamar tan-nar lokali, li huwa magħruf fost l-aqwa fid-dinja. Barra minn hekk, il-każini kollha marbuta mal-festi f'Malta u Għawdex se jkunu qed jarmaw dwal mal-każini u fuq il-bjut tagħhom li se jkun viżibbli mill-ajru ma' kullimkien biex joffru spettaklu mill-isbaħ ta' kuluri għal dan l-avveniment.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli stqarret li tinsab kburija li pajjiżna llum jinsab f'din is-sitwazzjoni li se jkun jista' jilqa' mill-ġdid it-turisti minn barra minn pajjiżna.

 

“Ħafna ddubitaw li dan il-mument kien se jasal fi ftit żmien iżda rnexxielna bi frott il-ħidma ta' mijiet ta' persuni. Nhar l-1 ta' Lulju se nkunu qegħdin niccelebraw il-ftuħ mill-ġdid ta' pajjiżna anka fl-isfond tal-wegħda li għamilna li se jkollna sajf. Dik il-wegħda bdejna nattwawha u se tieħu dimensjoni oħra fl-1 ta' Lulju", stqarret il-Ministru Farrugia Portelli.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li din il-pandemija ħarbtet id-dinja u waqqfet il-ħajja ta' kuljum u l-ekonomiji kullimkien, inkluż is-setturi turistiċi.

 

“Il-fatt li ħa nkunu qegħdin nerġgħu niftħu timmerita ċelebrazzjoni hekk kif nilqgħu l-ewwel viżitaturi minn barra li għażlu lil pajjiżna għall-ewwel safra tagħhom wara l-pandemija."

 

'VisitMalta Now' se ssir nhar l-1 ta' Lulju fit-20:30.​​